Fi żmien ġimagħtejn oħrajn jintemm ix-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġwann Battista fil-Għargħur li l-oriġini tagħha jmorru lura għas-Seklu Tlettax.
Il-kappella reġgħet inbniet u nfetħet fl-elf sitt mija ħamsa u sebgħin bil-ġebla tal-franka u l-faċċata ewlenija għandha fontispizju trijangolari li jserraħ fuq żewġ pilastri u kampnar.
Il-Perit responsabbli mill-proġett Claude Borg qal li l-ikbar ħsarat nstabu fuq il-faċċata tal-ġenb li tħares lejn iċ-ċimiterju tant li partijiet ta-xogħol tal-ġebla huma fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni u x’aktar ikollhom jinbidlu. Instabu wkoll fili neqsin, ġebla li tfarfar, qoxra ta’ lewn iswed u ħmieġ bijoloġiku.
Huwa żied jgħid li b’sengħa kbira, ir-restawraturi kixfu l-ġebla mill-kisi oħxon tas-siment.
“Ovvjament xorta kellna nagħmlu kisja oħra, imma din id-darba l-kisja li użajna kienet speċjali li kient abbażi tal-ġir. Ma għandux siment fih, ġifieri, imma xi ħaġa tradizzjonali kif kienu jagħmlu fl-antik nett,” qal il-Perit Borg.
Ix-xogħol li ilu għaddej minn Lulju li għadda, qed isir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr, flimkien ma’ ħaddiema li għadhom kif ħarġu mill-MCAST.
“Għażilna dan il-post għax konna nafu li għandhom ċans imissu ma cleaning, mat-tindif, tibdil ta’ ġebel, kisi, il-problemi li jkun hemm għal scafolding, wires eċċ. Allura ħassejna li din kienet tkun tajjeb li jmissu ma kollox u mbgħad minn hemm ‘il quddiem ikomplu fuq proġetti oħra,” kompla jgħid.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li l-Gvern irid ikompli jippreserva l-wirt tieħgu, b’restawr bilgħaqal fis-siti storiċi li nsibu fl-ibliet u l-irħula Maltin.
“Dan huwa mod kif aħna nagħtu l-poter effettiv lill-kunsill lokali illi nitkellmu fuq aktar poteri lill-kunsill lokali bil-fatti, mhux impaċpċu biss imma kif qed tara dan il-proġett rajna l-kunsill lokali jgħidilna hu liema proġett li jsir u aħna nwettquh għas-spejjeż tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Kappillan tal-Għarghur Dun Christopher Galea qal li bir-restawr li sar ma jeskludix li knisja tibda tintuża aktar.
“Nuri l-apprezzament lejn l-iskema li hija mogħtija mill-gvern lill-kunsilli lokali u bħalma għedt anki ftit qabel, kienet xi ħaġa providenzjali li tiġi rresawrata din il-kappella li hawn warajja,” qal il-Kappillan.
Ir-restawr fuq il-Kappella ta’ San Ġwann Battista inkluda wkoll it-tneħħija tal-metall u l-applikazzjoni ta’ kimika appostali toqtol il-ħżuż.