Il-fażi tal-kostruzzjoni tal-blokka ta’ housing soċjali fiż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex, b’investiment ta’ €1.2 miljun, mistennija li titlesta sal-aħħar ta’ din is-sena, waqt li, sal-bidu tas-sena li ġejja, jibdew il-finishings fuq it-tmien appartamenti involuti.
Dan il-proġett, li se jżid u jimmodernizza l-akkomodazzjoni soċjali fil-gżira, se jkun qed joffri wkoll aktar spazju pubbliku lin-nies.
Fi żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li dawn l-appartamenti saħansitra se jkunu mgħammrin b’lift.
Camilleri aċċenna wkoll għat-tisbiħ tal-madwar taż-żona, biex il-familji jkollhom spazju rikreattiv ieħor f’ambjent mill-isbaħ.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni qed isir fuq medda ta’ 3,750 metru kwadru, li 330 metru kwadru minnhom biss, jiġifieri 9% tal-ispazju eżistenti, se jkun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali. Il-bqija tal-ispazju ta’ tliet tomniet qed jiġi ġġenerat b’bandli, outdoor gyms, żona rikreattiva u landscaping estensiv.
Il-Ministru fakkar li, permezz ta’ dan il-proġett, qed jiġi mmodernizzat u mkabbar ukoll il-pitch tal-futbol eżistenti.
Minbarra hekk, se jiżdiedu wkoll is-siġar u l-arbuxelli fiż-żona, filwaqt li se tiġi installata sistema ta’ dawl ġdida.
Qal, “Tliet xhur ilu, proprju, bdejna l-proġett f’Taċ-Ċawla. Proġett li se jinkorpora fih tmien appartamenti fi blokka ġdida u li sa xahar ieħor il-kostruzzjoni ta’ din il-blokka se tkun lesta. Tmien appartamenti li mhux biss se jkollhom lift, li jkun qed jagħti aċċess lil dawn l-istess appartamenti, b’kitchen dining living spazjuża. Aktar minn hekk, tliet bedrooms, li jkunu jistgħu jospitaw il-familji f’din il-blokka ġdida.”
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li dan il-proġett ħolistiku jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern biex joħloq aktar spazji rikreattivi għall-familji Għawdxin u Maltin.