Jekk tkun ma tiflaħx u ddum sa tlett ijiem, issa mhux se jkollok bżonn tippreżenta aktar l-oriġinal taċ-ċertifikat il-blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, b’din il-bidla se ssir b’effett immedjat.
Ħabbar dan permezz ta’ stqarrija l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qed iniedi miżura oħra ta’ simplifikazzjoni bl-għan li jkompli jnaqqas l-iskariġġ żejjed tal-pubbliku u jagħmel il-ħajja tan-nies iktar faċli.
Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ tliet ijiem jew anqas ma jikkostittwix talba għall-benefiċċju tal-mard u għaldaqstant id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux il- bżonn ta’ dawn iċ-ċertifikati biex jiġu pproċessati.
Qed ikun ittamat li permezz ta’ din il-miżura se jitnaqqas konsiderevolment l-iskariġġ tal-pubbliku li jippreżenta dawn iċ-ċertifikati fl-uffiċini distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew fil-hubs reġjonali tal-Aġenzija Servizz.Gov, kif ukoll iffrankar ta’ spejjeż żejda ta’ pustaġġ għal min jibgħathom bil-posta.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali javża wkoll illi jekk min iħaddem jesiġi li jkollu kopja taċ-ċertifikat mediku, dan xorta irid jibqa’ jingħata lilu mill-impjegat.
F’każ li xi ħadd ikun jixtieq aktar informazzjoni, għandu jċempel freephone 153 jew inkella jista’ jirrikorri f’xi wieħed mill-uffiċini distrettwali li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu madwar Malta u Għawdex.