Enemalta plc għaddejja bl-aħħar fażijiet tat-twettiq ta’ investiment ta’ €80 miljun biex issaħħaħ u tkabbar partijiet ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali waqt li ttejjeb is-servizzi tagħha lill-klijenti.
Fi stqarijja l-Enemalta spjegat li fl-2014, il-Kumpanija nediet proġett fit-tul biex issaħħaħ is-sistema nazzjonali li twassal l-elettriku lill-klijenti waqt li żżid il-flessibilità tagħha biex tkun tista’ twieġeb b’aktar ħeffa meta jinqalgħu diffikultajiet li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista, bħal ħsarat, aċċidenti jew emerġenzi oħrajn. Waqt li sitwazzjonijiet ta’ qtugħ fil-provvista qatt ma jistgħu jiġu eliminati, permezz ta’ dawn l-investiment Enemalta tkun tista’ tnaqqas ir-riskju li dawn iseħħu waqt li meta jinqalgħu, jiqsar it-tul ta’ ħin tagħhom biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti.
Bħala parti minn dan il-proġett, il-Kumpanija qed iżżid sitt ċentri tad-distribuzzjoni mal-20 li diġa għandha madwar Malta u Għawdex. Qed tqiegħed ukoll aktar minn 100 kilometru ta’ konnessjonijiet ta’ high voltage cables li jgħaqqdu flimkien partijiet differenti tas-sistema tad-distribuzzjoni, waqt li żviluppat aktar minn 80 11 kV substation ġdida u mmodernizzat aktar minn 100 oħra.
Is-sistema tad-distribuzzjoni high voltage ġiet imsaħħa bl-iżvilupp ta’ sitt ċentri tad-distribuzzjoni 33 kV u 132 kV ġodda u t-tkabbir ta’ tnejn oħra. Kull ċentru tad-distribuzzjoni ġdid ifisser investiment ta’ aktar minn €5 miljun. Dan l-investiment qed jitħallas minn riżorsi ta’ Enemalta stess.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ St Andrew’s tlesta kmieni din is-sena, waqt li dak ta’ Manoel Island tqabbad mas-sistema tal-elettriku nazzjonali f’Ġunju, qabel iż-żieda staġjonali fid-domanda għall-elettriku, partikolarment f’dawn l-inħawi. Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ Manoel Island qed itejjeb il-livell tas-servizz fl-inħawi tal-Imsida, Ta’ Xbiex, il-Gżira, Tignè, Tas-Sliema, San Ġwann u żoni oħrajn viċin biex il-Kumpanija tilqa’ għaż-żieda fid-domanda f’dawn l-inħawi.
Sas-sena li għaddiet dawn il-lokalitajiet, flimkien ma’ San Ġiljan, Pembroke, is-Swieqi u l-Madliena kienu jiddependu miċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Kappara u ta’ Paceville biss. Permezz taż-żewġ ċentri l-ġodda qed titnaqqas id-dipendenza fuq l-infrastruttura eżistenti billi tagħti aktar kapaċità u flessibilità f’każi ta’ xi diffikultà fis-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni tax-Xewkija tqabbad mas-sistema tal-elettriku nazzjonali din is-sena wkoll. Dan huwa t-tieni ċentru tad-distribuzzjoni li Enemalta għandha f’Għawdex u b’hekk qed titnaqqas id-dipendenza fuq dak eżistenti fil-Qala. Iċ-Ċentru l-ġdid qed iżid aktar affidabilità fis-servizz waqt li jilqa’ għad-domanda tal-lum u tal-futur.
It-transformers u switchgear ġdid installati bħala parti mit-tkabbir u l-immodernizzar taċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Mellieħa u Santa Venera issa tlestew u bdew jintużaw ukoll. Filwaqt li l-aħħar testijiet tal-ewwel fażi taċ-ċentru tad-distribuzzjoni Marsa North jinsabu għaddejjin bħalissa. Din is-sena beda wkoll l-iżvilupp ta’ żewġ ċentri tad-distribuzzjoni oħra, wieħed fl-Imrieħel u ieħor f’Ricasoli. Dawn mistennija jitlestew is-sena d-dieħla.
Mill-2014 ‘l hawn, bħala parti minn dan il-proġett Enemalta lestiet ukoll 216-il konnessjoni ġdida ta’ high voltage cables f’mini jew trinek taħt l-art. Permezz tagħhom, qed jiżdiedu r-rotot alternattivi tad-distribuzzjoni tal-elettriku bejn inħawi differenti u b’hekk Enemalta qed tikseb il-possibilità li f’każ ta’ xi ħsarat jew emerġenzi tkun tista’ treġġa’ lura l-provvista lill-klijenti f’inqas ħin.
Fl-istess perjodu, Enemalta żiedet madwar tmenin (80) 11 kV substations f’lokalitajiet differenti waqt li 100 substation oħra ġew immodernizzati b’apparat ġdid biex jitneħħa apparat antik.
L-Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, irringrazzja lill-impjegati tal-Kumpanija għall-impenn tagħhom għat-twettiq ta’ dawn l-investimenti, li qed isiru fil-ħin stipulat u skont l-istimi stabbiliti mill-Kumpanija. Spjega li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku teħtieġ investiment kontinwu ta’ manutenzjoni, tkabbir u mmodernizzar biex tibqa’ tipprovdi s-servizzi mitluba mill-klijenti.