L-Università ta’ Malta kellha tissospendi s-servizz li kien jingħata fil-Junior College permess ta’ screens tat-televiżjoni li fuqhom kien ikun hemm informazzjoni dwar lectures li kienu ġew ikkanċellati. Dan seħħ wara li l-MUT irreġistrat tilwima industrijali mal-Università dwar l-użu ta’ dawn l-iscreens.
Din is-sistema kienet ilha tintuża għal madwar għaxar snin u kienet mezz utli ta’ informazzjoni lill-istudenti.
L-MUT esprimiet ir-riżervi tagħha dwar din is-sistema u rreġistrat tilwima industrijali mal-Università u dan minkejja li kienu qed isiru arranġamenti biex sistema alternattiva tiġi introdotta fil-ġimgħat li ġejjin.
Fi stqarrija , l-Universitá spjegat li ħadet pariri legali dwar l-użu ta’ din is-sistema u tinsab infurmata li għandha dritt tipprovdi din l-informazzjoni lill-istudenti tagħha, fiċ-ċirkustanzi, l-Università kienet kostretta tissospendi dan is-servizz b’detriment għall-istudenti tal-Junior College.
L-Università qalet li b’dispjaċir li tali sistema li matul iż-żmien kienet ta’ benefiċċju għall-istudenti mhux se tibqa fis-seħħ. Madankollu qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi introdotta sistema alternattiva li tipprovdi l-istess tip ta’ informazzjoni lill-istudenti dwar lectures li jkun ġew ikkanċellati.