Proċessi mill-karta għal fuq is-sistemi diġitali kompjuterizzati.
Snin fejn iddomina l-użu tal-pinna, sabiex minn lejl għal nhar tintuża biss it-tastiera.
Kienu dawn il-bidliet li raw il-ħaddiema li jaħdmu mal-korporazzjoni Enemalta b’riżultat ta’ strateġija li tnediet fl-2020 sabiex il-proċessi amministrattivi kollha jsiru diġitali.
Dan wara li għal għexieren ta’ snin il-proċeduri kollha tal-korporazzjoni kienu għadhom qed isiru bil-karta.
ONE News żar l-uffiċċji tal-Enemalta fejn tkellimna mas-Sur Duncan Mallia, li huwa responsabbli mis-sistemi tal-ICT fil-korporazzjoni.
Huwa spjegalna kif il-proċessi amministrattivi kollha kienu jsiru bil-karta, anke sa snin riċenti.
Miegħu żorna l-arkivji tal-korporazzjoni: arkivji estensivi li jinkludu kull dettall u proċess fil-kumpanija li saħansitra jmorru lura sal-1950. Dawn ivarjaw minn applikazzjonijiet għal sistemi tad-dawl sa proċessi li għandhom x’jaqsmu mal-ħaddiema tal-Enemalta tul is-snin.
Hemmhekk tkellimna mal-persuna responsabbli mill-immaniġġjar ta’ dan l-arkivju, li wriena bħala eżempju dokument tal-1959.
Dawn id-dokumenti għadhom relevanti sal-lum il-ġurnata, skont il-bżonn.
Qal, “Ikun hemm każijiet, iva, ta’ investigazzjonijiet jew ta’ xi auditing fejn ikollok bżonn tirreferi għal materjal antik, u f’dak il-każ ikollna bżonn inġibu l-file. Jekk dak il-file se tittieħed azzjoni fuqu, jiġifieri, biex ngħid hekk, għadu ħaj, dak jiġi skennjat u jkompli miexi bis-sistema diġitali.”
Dan il-proċess amministrattiv ġdid jissejjaħ ‘paperless.’
Qal, “Fl-2020 nedejna l-istrateġija tal-paperless. Insejħulha paperless għax l-għan aħħari kien li neliminaw il-files u l-karti, u bdejna nanalizzaw kull proċedura waħda waħda biex naraw ftit kif għandha tinbena sistema diġitali li tiggwidak timxi skond l-istandard operating procedures.”
Huwa tkellem anke dwar xi jfisser dan f’termini ambjentali.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dan il-proġett illum qegħdin fi stat fejn m’għadhomx jinfetħu aktar files u l-operat għall-ewwel darba qed jaħdem b’sistemi diġitali u mhux bil-karti. Fil-fatt, ikkalkulajna li bis-saħħa ta’ dan il-proġett qed niffrankaw mas-700 riżma karta fis-sena, li jfissru 40 siġra, jiġifieri mhux volum żgħir.”
Is-Sur Mallia spjega li l-kumpanija tagħmel użu minn tablets apposta sabiex il-proċessi amministrattivi jiġu faċilitati anke barra mill-uffiċċju.