Mis-sena skolastika l-ġdida tuck shops fl-iskejjel se jkollhom ikel bnin biss għall-bejgħ. Dan grazzi għal avviż legali ġdid li se jipprevjeni li ikel bħal pastizzi, pizza, sausage rolls u ikel moqli ieħor ma jkunux disponibbli għall-istudenti. Fl-istess ħin, studenti se jkunu jistgħu jixtru biss ilma u ħalib bħala xorb.
Min jinqabad ibiegħ ikel moqli jew xorb biz-zokkor se jibda’ jkun soġġett għal multi li jlaħħqu €2,500.
Dan l-avviż legali tfassal mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika skont linji gwida mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex tkun imħarsa saħħet l-istudenti.
Matul is-sena li għaddiet saru mas-70 spezzjoni fit-tuck shops fl-iskejjel biex tkun assigurata din il-politika ġdida dwar ikel tajjeb għas-saħħa. Din kienet tnediet lura fl-2015 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex ikun eliminat ikel moqli jew mhux tajjeb għas-saħħa mill-ħwienet fl-iskejjel, bil-għan li l-istudenti jieklu ikel bnin minn snin bikrin fl-edukazzjoni tagħhom.
Apparti dan, sar ukoll sforz biex il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel tiżdied b’lezzjoni oħra fil-ġimgħa.