Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ nies li jużaw flus kontanti biex iħallsu. Fil-fatt huma madwar 80% tat-transazzjonijiet f’ pajjiża li jinvolvu l-kontanti.
It-teknoloġija madwar id-dinja qed tavvanza biex ftit ftit, mhux biss l-użu tal-flus, iżda anka dik taċ-ċekkijiet u l-cards tinqata’ u minflok tidħol il-kultura ta’ trasferimenti online.
Pajjiżna miexi lejn dik id-direzzjoni wkoll, permezz tat-tnedija tal-App Myney, Fexserv Financial Services għamlitha possibbli li wieħed iħallas permezz tal-mobajl.
Li hu innovattiv f’ din l-app hi wkoll li taqbeż il-banek kummerċjal, għalhekk mhemm bżonn ta’ l-ebda kont jew rabta ma’ xi bank. L-avvanz teknoloġiku jagħmilha possibbli li ladarba l-klijenti jirreġistraw b’ mod diġitali, immedjatament jinfetaħ kont li minnu jistgħu jitħallsu utenti oħra tas-servizz.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li kien preżenti għat-tnedija tal-app, stqarr li biex jiffaċilitaw u jħeġġu l-innovazzjoni, ir-regolaturi finanzjarji kellhom ikunu flessibli. Dan anka għaliex pajjiżna qed iħares li jnaqqas l-użu ta’ flus kontanti, fejn saħansitra fiż-żmien li ġej se tiddaħħal leġislazzjoni li tipprojbixxi oqsma ta’ kummerċ milli jinnegozzjaw bil-kontanti.
L-investiment fl-innovazzjoni u r-riċerka tal-kumpanija kienu mfaħħra mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li fakkar kif din tagħti kontribuzzjoni essenzjali lill-ekonomija. Investiment bħal dan b’ kollaborazzjoni ma’ waħda mill-ikbar organizazzjonijiet fil-qasam tal-IT u l-innovazzjoni, l-NTT DATA tal-Ġappun, huwa vot ieħor għal Malta bħala post fejn tista’ taħdem u tkabbar il-kummerċ, saħaq Cardona.
Tony Zahra, Chairman ta’ Fexserv, innota li dan il-pass ilu ħolma għal dawn l-aħħar 20 sena u li issa, fil-klima ekonomika preżenti li tistimula l-investiment, irrealizza ruħu. Zahra saħaq li dan il-kunċett ta’ pagament se joffri kompetizzjoni lill-banek, li se jkunu imġegħla jkunu iktar kompetittivi.
Fexserv qed tistenna li fix-xhur li ġejjin aktar minn 600 ħanut ikun qed jaċċetta l-pagamenti bil-Myney.
L-app tista’ titniżżel b’xejn mill-App Store jew Google Play mil-lum.