Fl-ewwel ġurnata tal-Pride Week f’Malta, tħabbar li persuni li ma kinux jitħallew jagħtu d-demm issa jistgħu jagħmlu dan mingħajr ebda diskriminazzjoni.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.
Dan se jkun possibbli permezz ta’ apparat sensittiv ħafna li jittestja d-demm b’dak imsejjaħ bħala ‘net testing’, li jassigura li t-tip ta’ demm li jingħata jkun wieħed sikur.
Id-Deputat Prim Ministru nnota li dak li tħabbar se jkun qiegħed iwettaq wegħda tal-Manifest tal-Partit Laburista.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tat ħarsa lejn il-kisbiet li ġab pajjiżna fil-qasam tal-libertajiet ċivili b’dak li tħabbar illum ikun il-pass li jmiss. Hija żiedet tgħid li issa ħadd mhu se jsib il-bieb magħluq biex jagħmel dan il-ġest nobbli tal-għoti tad-demm.
Fearne spjega wkoll li mhux kulħadd jista’ jagħti d-demm minħabba diversi raġunijiet li jistgħu jiperikolaw lid-donatur jew lil min qed jirċievi d-demm iżda d-diskriminazzjoni mhux se tkun waħda minn dawn ir-raġunijiet.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lid-donaturi kollha għall-għoti tad-demm tagħhom u żvela li, matul is-sena li għaddiet, kien hawn madwar 16,500 donatur, li 1,200 minnhom kienu donaturi ġodda.
Huwa qal ukoll li ta’ kuljum jintużaw mal-45 borża demm, filwaqt li bħalissa hawn il-bżonn urġenti ta’ demm tat-tip O positive.