Ġie konkluż il-ftehim sabiex sa daqs sena oħra f’Malta tidħol is-sistema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb fuq skala nazzjonali.
Din l-iskema li għaliha hemm allokat investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro ser tara li f’ħames snin, ħamsa u tmenin fil-mija il-plastik f’pajjiżna jiġi rriċiklat u anke toħloq madwar sittin xogħol ġdid marbuta mal-qasam ambjentali.
Hu mistenni li jkun madwar tliet mija u ħamsin magna li fiha tkun tista’ titfa’ l-kontenituri tal-plastik u r-rifużjoni għall-konsumatur se tkun tkun t’għaxar ċenteżmi għal kull flixkun tal-plastik.
L-aħħar iffirmar ta’ dan il-ftehim sar propju t-Tnejn filgħodu bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Aġenzija għall-Irkupru tar-Riżorsi u r-Riċiklaġġ u BCRS Malta Ltd, b’tal-aħħar tiġbor fiha membri varjati mill-oqsma tal-manifattura, importazzjoni u anke diversi ħwienet li wkoll għandhom irwol importanti f’din is-sistema il-ġdida.
Iċ-Chairman tal-BCRS Pierre Fava spjega kif ser topera din is-sistema u li minnha apparti li jgawdi l-ambjent, jibbenefikaw iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Min issa ‘l quddiem ser tibda ħidma kbira, l-ewwelnett li nedukaw lin-nies u kulħadd li issa hemm dawn il-magni li tista’ tmur tqiegħed dawn il-flixkun ġo fiha umbgħad tieħu token u tieħu l-irċevuta tad-deposit li tkun ħallast għal dak il-flixkun. Id-deposit imbagħad jissarraf ġewwa l-ħwienet abbinati ma’ dik il-lokalità.”
Wara ħidma intensiva dan il-mudell Malti ġie approvat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru li għadda, fejn tat l-approvazzjoni tagħha biex jinbena wkoll bini ta’ ċentru bid-daqs ta’ erbat elef metru kwadru fejn se jsir l-operat tar-riċiklaġġ tal-plastik.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif b’din l-iskema mhux biss se jiġi salvagwardjat l-ambjent ta’ madwarna fosthom il-ibħra u l-bijodiversita, iżda wkoll se nkunu qed niżguraw li Malta tilħaq il-miri Ewropej b’rabta mar-riċiklaġġ tal-plastik.
“Investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro illi permezz tiegħu se nkunu qed inħaddmu wkoll madwar sittin persuna f’dak li jissejjaħ greenjobs. Dan huwa pożittiv ħafna hija parti mill-miri tagħna,l-istrateġija tagħna biex nilħqu l-miri inetnazzjonali ta’ riċiklar kif ukoll nimxu lejn id-destinazzjoni li ħadna biex pajjiżna jsir fost l-aqwa fejn jidħol il-ġbir tal-iskart f’pajjiżna.”
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li l-iskema kienet waħda mill-impenji li Malta ħadet fl-2017 fil-konferenza tal-Oċeani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Irkupru tar-Riżorsi u r-Riċiklaġġ l-Inġinier Anthony Rizzo stqarr li huwa ttamat li din l-iskema tixpruna l-mod kif il-produtturi u l-konsumaturi isiru iktar responsabbli bil-għan li jiġu introdotti skemi simili f’oqsma oħrajn.