Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-tlieta, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument f’residenza li tinstab fi Triq A. Caligari, Ħaż-Żabbar.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn raġel ta’ 59 sena u ġuvni ta’ 27 sena t-tnejn jgħixu fl-istess residenza. Jidher li waqt l-imsemmi argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Peress li r-raġel sofra xi ġrieħi, fuq il-post issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji. Aktarx ukoll li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-ġuvni ta’ 27 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr A. Demicoli LL. ġiet infurmata bil-każ fejn ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.