Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech sofra telfa kbira fl-elezzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali li saret is-Sibt.
Dan wara li l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux itella’ l-kandidati tiegħu fir-Reġjun t’Għawdex u dak tat-Tramuntana.
Għall-President tar-Reġjun t’Għawdex tela’ Samuel Azzopardi, l-eks Sindku Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex, wara li dan ħareġ bħala kandidat indipendenti.
Azzopardi huwa magħruf għal kemm huwa qrib l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia u għalhekk twarrab mit-tmexxija preżenti ta’ Bernard Grech.
F’dan l-ewwel test elettorali ta’ Bernard Grech, huwa falla bil-kbir, hekk kif Azzopardi ġab disgħa u erbgħin vot u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Roberto Tabone, kiseb għoxrin vot.
Dan ifisser li Azzopardi kiseb ukoll voti minn kunsilliera Nazzjonalisti li għażlu lilu u mhux il-kandidat ta’ Bernard Grech.
Għar-reġjun tat-Tramuntana ġie elett f’isem il-Partit Laburista, Clifford Galea Vella.
Dan ir-reġjun jinkludi fih il-lokalitajiet tan-Naxxar, l-Imġarr, Ħ’Attard u Ħal Balzan fost oħrajn, kunsilli b’maġġoranza Nazzjonalista.
Vella Galea kiseb wieħed u erbgħin vot u Anthony Mifsud f’isem il-Partit Nazzjonalista kiseb tletin vot.
Għal din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista kellu ġenn sħiħ.
Kunsilliera li tkellmu ma’ ONE News saħqu li nies mid-Dar Ċentrali bdew iċemplu lill-kunsilliera biex jivvutaw għall-kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Intant fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista tella’ t-tliet membri kollha li kkontestaw, waqt li l-Partit Nazzjonalista tella’ membru biss.
It-tliet membri f’isem il-Partit Laburista huma Steven Axisa, Max Zammit u Stephen Sultana.
Din hija l-ewwel darba li l-Partit Laburista tella’ tliet membri minn erbgħa fl-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
L-ewwel li telgħu kienu Steven Axisa għall-Partit Laburista u Charles Bonello għall-Partit Nazzjonalista.
Fit-tieni għadd ġie elett Max Zammit għall-Partit Laburista filwaqt li fir-raba’ għadd, Stephen Sultana għall-Partit Laburista u Graziella Galea għall-Partit Nazzjonalista kisbu l-istess ammont ta’ voti, jiġifieri tmienja u tmenin, vot biss inqas mill-kwota.
Sultana ġie elett hekk kif fl-ewwel għadd kiseb vot iżjed minn Galea.
ONE News tkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava.
Qal, “Fattur importanti u pożittiv huwa li mbagħad għandek numru konsiderevoli tal-membri eletti kienu diġà hemmhekk qabel, allura hemm mod ta’ kontinwazzjoni u dan jgħin ukoll anke għal fatt illi fl-2019, bħala Assoċjazzjoni konna nedejna l-viżjoni tagħna sal-2024 u ċertament il-prijorità ħa tkun illi nkomplu fuq ix-xogħlijiet li diġà bdejna, li jisimna Resident First, fil-fatt għax ir-resident dejjem l-ewwel fid-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsilli Lokali u għandha twassalna sal-2024 għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.”