- Nhar it-Tlieta laqgħa importanti taħt il-Presidenza Maltija
- Tama kbira u pressjoni biex jintlaħaq qbil
Nhar it-Tlieta se tkun qed issir laqgħa importanti ferm bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea – u li jekk matulha jintlaħaq qbil wieħed ikun jista’ jgħid li tkun ingħatat id-daqqa finali lit-tariffi tar-roaming. Bid-deċiżjoni imbagħad tkun implimentata minn Ġunju li ġej b’mod li ħafna Ewropej ikunu jistgħu jmorru għall-btala tas-sajf tagħhom mingħajr ma jħallsu l-prezzijiet meqjusa esaġerati biex jikkomunikaw bil-mobile tagħhom.
Tard il-Ġimgħa kien il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip li kkomunika permezz ta’ ittra r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li jinżamm il-pjan li dawn it-tariffi jkunu eliminati u kellu wkoll kliem ta’ kuraġġ għax-xogħol li jinsab għaddej. Qal li l-Kummissjoni Ewropea tifraħ lill-Presidenza Maltija u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew għax-xogħol eċċellenti li għaddejin bih u appella lil kulħadd biex dan il-ftehim jintlaħaq it-Tlieta li ġej. Qal li l-istituzzjonijiet l-oħra jistgħu jserrħu fuq l-appoġġ tiegħu u tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jintlaħaq l-aqwa ftehim għall-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi.
“Iż-żmien għaddej. Irridu nżommu l-wiegħda tagħna,” wissa Anis. Twissija li l-Gvern Malti ma tantx għandu bżonn, bi mkejjen fi Brussell jispjegaw li hija r-rieda tal-Gvern Malti li dan ikun it-tieni file li jingħalaq taħt il-Presidenza Maltija. Dan wara li fl-aħħar jiem ingħalaq wieħed marbut mas-sajd.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha għal dan l-aħħar deċennju taħdem biex tnaqqas il-ħlasijiet żejda li jimponu operaturi tat-telfonija meta klijent isiefer u juża l-mobile tiegħu. Mill-2007 it-tariffi tar-roaming naqsu b’iktar minn 90% u l-ewwel darba li nibtet il-proposta biex dawn jintemmu għal kollox kien fl-2015. Ix-xewqa hi Roam like at Home fejn wieħed juża l-mobile tiegħu f’pajjż ieħor daqs li kieku qiegħed id-dar. Din ix-xewqa jidher li se ssir realtà taħt il-Presidenza Maltija.
Artiklu li tista’ ssibu fil-gazzetta KullĦadd