Wara li fl-aħħar jiem kienu diġà tħabbru żidiet fil-prezzijiet tal-fuels fl-Italja, li kienu deskritti bħala daqqa ta’ ħarta għal miljuni kbar ta’ familji li kienu qed iħejju għal żmien tal-vaganzi t’Awwissu, magħrufa bħala Ferragosto, illum il-pajjiż qam għal aħbar oħra kerha.
Fil-fatt il-midja Taljana rrapportat li l-prezzijiet mill-pompi tal-petrol ma waqfux, li jfisser daqqa oħra fuq il-bwiet ta’ miljuni ta’ familji u negozji fil-pajjiż.
Dan qed iwassal lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex jimmotivaw irwieħhom għal protesti fi żminijiet li l-pajjiż diġà għaddej minn problemi oħrajn, inkluż dawk ta’ qgħad.
Skont ċifri taI-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà tal-Enerġija, matul l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, (31 ta’ Lulju-6 ta’ Awwissu) il-petrol żdied bi 3.1 ċenteżmi fil-litru għal prezz medju ta’ ewro u tnejn u disgħin ċenteżmu għal kull litru, waqt li d-diesel żdied b’ħames ċenteżmi biex il-prezz medju tela’ għal ewro u disa’ u sebgħin ċenteżmu għal kull litru.
Il-prezz ivarja minn pompa għall-oħra minħabba s-suq liberalizzat.
Fl-aħħar ta’ Lulju li għadda, meta kien stmat li vettura kienet teħtieġ madwar mija u sebgħa u għoxrin ewro biex jimtela t-tank tagħha, il-Gvern Taljan ordna lill-pompi tal-petrol kollha biex jindikaw kemm hu l-prezz medju tal-fuels fil-pajjiż.
Analisti dakinhar sostnew li dan hu ta’ uġigħ ta’ ras għas-sewwieqa f’kuntest li ż-żidiet fil-prezzijiet huma mifruxa mal-pajjiż kollu.
Fiċ-ċirkostanzi l-ġodda tal-lum, il-President tal-Unjoni Nazzjonali tal-Konsumaturi, Massimiliano Dona, qal li l-petrol fil-pompi qed jaqbeż b’mod sinifikanti l-limitu ta’ ewro u disgħin ċenteżmu fil-litru. F’ġimgħa waħda biss tank mimli b’50 litru fuel ġie jiswa ewro u sitta u ħamsin ċenteżmu aktar għal petrol u anke żewġ ewro u tnejn u ħamsin ċenteżmu iżjed għad-diesel.
Qabel jibdew il-vaganzi tagħhom, litru petrol għat-Taljani mil-lum ġie jiswa mas-seba’ ċenteżmi aktar, b’żieda ta’ 3.5 fil-mija, li huma ekwivalenti għal erba’ ewro u erbgħa u tletin ċenteżmu għal kull darba li jmorru fil-pompa.
Imqabbel ma’ Mejju li għadda, il-fuels fil-pompi żdiedu b’mod sinifikanti fl-Italja u issa l-petrol jiswa medja ta’ 7.1% aktar, waqt li d-diesel 10% aktar.
Dan bil-maqlub ta’ pajjiżna, fejn il-fuels, bħall-kontijiet tad-dawl u dawk tal-gass, ma għolewx ċenteżmu wieħed, grazzi għas-sussidji multi-miljunarji li l-Gvern, immexxi minn Robert Abela, ilu joħroġ mill-bidu tas-sena li għaddiet.