Ftit biss ‘il bogħod mill-bidu tal-istaġun tal-festi, ċirkulari maħruġa mill-uffiċċju tal-Vigarju Ġenerali tal-Knisja f’Malta, l-awtoritajiet tal-Knisja qed jisħqu li hu projbit li jsir ħruq ta’ nar minn fuq il-knejjes jew minn proprjetà tal-Knisja.
Jidher li din id-direttiva kienet ilha fis-seħħ għalkemm f’bosta lokalitajiet kien għadu jsir ħruq ta’ musketterija minn fuq bjut ta’ knejjes.
Fost l-akbar spettakli pirotekniki minn fuq knejjes kien qed jinħaraq nhar is-7 ta’ Settembru, lejlet il-festa tal-Vitorja, fil-Mellieħa; avveniment li jiġbed eluf ta’ nies.
Id-direttiva tgħid li din il-policy tapplika għal kull knisja u proprjetà li tagħha hi responsabbli l-knisja. L-ebda anniversarji jew avvenimenti oħra mhu se jagħtu lok għal eċċezzjonijiet.Se jkun fid-dmir tal-Arċipriet, Kappillan jew rettur tal-knisja partikulari li jara li din id-direttiva tkun segwita.