Il-blogger tal-Partit Nazzjonalista, Daphne Caruana Galizia, tilfet fi stadju ta’ appell każ li kellha fil-Qorti mal-kandidata tal-Partit Laburista u ġurnalista, Julia Farrugia. Kien f’Ottubru 2015 li Farrugia rebħet kawża ta’ libell wara li Caruana Galizia qalet li hi ‘cow’ u ‘bitch’ u li kitbet li hi prostituta li tinża ħwejjiġha fil-pubbliku.
Iżda, agħar minn hekk Caruana Galizia kitbet ukoll dwar missier Julia Farrugia u pprovat timplikah fil-qtil ta’ Raymond Caruana fi żmien meta Julia Farrugia kienet għadha tifla. F’każ li dam għaddej numru ta’ snin il-Qorti m’aċċettatx id-difiża ta’ Caruana Galizia. Il-blogger li tikkordina kitbitha mad-Dar Ċentrali appellat is-sentenza.
Fi stadju ta’ appell l-Imħallef Ellul ikkonferma s-sentenza tal-Maġistrat Francesco Depasquale. Fid-deċiżjoni tiegħu qal ukoll li kien ippruvat li l-artikli kien fihom insinwazzjonijiet u kummenti offensivi fil-konfront ta’ Farrugia. Il-Qorti osservat li tali allegazzjonijiet saru madwar 16-il darba u waqfu meta nfetħet il-kawża ta’ libell. Caruana Galizia issa trid tħallas is-somma ta’ €3,000 lil Julia Farrugia u l-ispejjeż tal-Qorti.