F’jum li pajjiżna qed josserva luttu nazzjonali, fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar ingħata bidu għall-funeral tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-awtoritajiet tal-pajjiż ma kienux preżenti għall-funeral tagħha wara li l-qraba għamluha ċara li l-awtoritajiet tal-istat mhumiex mixtieqa fil-funeral.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna stqarr li filwaqt li s’issa ma nafux min qatel lil Daphne, kellu messaġġ għal min ħa sehem, b’mod jew ieħor, fil-qtil ta’ Daphne. “Taħrab kemm taħrab mill-ġustizzja tal-bnedmin, mill-Ġustizzja ta’ Alla ma taħrabx.Indem qabel ikun tard wisq.”
L-arcisqof komplha billi tenna lill-ġurnalisti biex ma jibżgħux hekk kif il-poplu għandu bżonnhom ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti.
Monsinjur Scicluna wassal messaġġ ta’ kuraġġ lil ulied Daphne, Matthew, Andrew u Paul u appelalhom biex ikunu wlied id-dawl.
Fuq kollox, temm billi ħeġġeġ lil Maltin kollha jibżgħu għal xulxin filwaqt li tenna li jittama li jieqaf id-diskors iebes sabiex il-poplu jgawdi mill-libertà vera u l-prosperità fis-solidarjetà.
Intant, illum il-binjiet kollha pubbliċi f’pajjiżna tajru l-bandiera Maltija mezzasta bħala parti mill-luttu nazzjonali li qed josserva l-pajjiż.