Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni flimkien mal-blogger Daphne Caruana Galizia qed ikomplu jigdbu u jitfgħu t-tajn fir-rigward tal-Ministru Konrad Mizzi. Il-Ministru ressaq libell u talab il-Qorti biex jinstema’ b’urġenza wara li Daphne Caruana Galizia gidbet u qalet li ġew mgħoddija xi flus minn jew relatati mal-Ażerbajġan. Apparti li ma kien hemm qatt ebda kont bankarju, l-audit indipendenti li sar minn Crowe Horwath jikkonferma li qatt ma kien hemm tranżazzjonijiet mit-trust u mill-kumpanija.
L-istqarrija qalet li llum il-blogger kompliet tallega dan kollu filwaqt li qalet li l-Ministru Mizzi f’daqqa waħda, ‘b’urġenza’ beda jillikwida l-kumpanija fi ħdan it-trust. Din hija gidba oħra hekk kif il-Ministru Konrad Mizzi diġà stqarr li huwa kien beda l-proċess biex tiġi llikwidata din il-kumpanija fil-bidu ta’ din is-sena.