Daniel u Adrian, huma koppja li għadhom kemm issieħbu f’unjoni ċivili. Waqt programm speċjali fuq ONE HD huma semgħu d-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone li ddikjara fil-Parlament li għalih jeżisti biss żwieġ wieħed dak bejn raġel u mara.
B’reazzjoni għal dan Adrian esprima li għal persuni LGBTIQ u l-familjari tagħhom, dan il-kliem qed jimbotta aktar nies ‘il bogħod mill-Partit Nazzjonalista. Huwa spjega ukoll li ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess ifisser bħal ma jfisser għal kull persuna, jiġifieri li żewġ persuni jingħaqdu, u li jgawdu mid-drittijiet daqs ħaddieħor.
Daniel qal li dan juri li dan il-Membru Parlamentari, ma jafx xi tfisser l-imħabba għaliex l-imħabba m’għandiex titlu u għalhekk hija universali għal kulħadd.
Fil-Parlament, Hermann Schiavone, qal li l-ebda liġi mhi se tbiddilu din il-fehma anke jekk qal li l-parlament għandu jirregola kull sitwazzjoni. Huwa qal ukoll li l-att propost mill-Gvern huwa wieħed komunist.