“Għad fadal ħafna xi jsir u ejja ma nħallux lil min jiżra l-apatija.”
Kien dan il-messaġġ li għadda d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista il-Perit Daniel Micallef, fl-attività politika mtella’ f’Ħal Kirkop.
Micallef innota r-retorika negattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’mod partikolari fejn tidħol il-politika ekonomika adottata mill-Partit Laburista.
Id-Deputat Mexxej fakkar kif l-importanza tas-suċċess ekonomiku inħasset minn kulħadd meta d-dinja ġiet iffaċċjata mill-isfida tal-pandemija.
“Meta l-ekonomija mondjali spiċċat pazjent fuq il-magni u aħna peress li ma ngħixux fuq pjaneta oħra konna milqutin bl-istess mod jekk mhux agħar minħabba s-sitwazzjoni insulari tagħna. Pajjiżna kien b’saħħtu biżżejjed biex Gvern Laburista jgħid lil ħaddiema, tinkwetawx ibqgħu d-dar l-inkwiet ħalluha għalija, xogħolkom se niggarantih jiena sakemm is-sitwazzjoni ma titranġa.”
Hawn innota kif dan kollu ħalla lil pajjiżna fl-aqwa post biex ikun jista’ jegħleb l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna u llum l-ekonomija għadha qed tikber flok irreġistrat riċessjoni bħal ma ġara f’każijiet oħra.
L-istess japplika għas-settur tat-turiżmu li dwaru Micallef fakkar kif dan mhux talli reġa’ qam fuq saqajh talli qabeż l-livelli reġistrati qabel il-pandemija.
Id-Deputat Mexxej Laburista sostna kif minkejja s-suċċessi għad fadal ħafna xi jsir filwaqt li wissa kontra l-intenzjonijiet ta’ ħaddieħor, li stqarr kif iridu jiżirgħu l-apatija fost l-elettorat. Għalhekk qal kif il-Partit Laburista għandu jibqa’ ffukkat fuq fejn irid jieħu lil dan il-pajjiż.
Rigward l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li ġej, Micallef tenna kif dawn se jwasslu messaġġ ta’ fejn irridu naraw l-Unjoni Ewropea tmur hekk kif tkellem favur Unjoni li tkun waħda sensittiva għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi kollha u li tibqa’ tħaddan il-prinċipju tal-paċi, fost l-oħrajn.
Micallef ma naqasx milli jsellem il-ħidma tal-Kunsilliera kollha madwar il-pajjiż għax-xogħol li jagħmlu li ddeskrivihom bħala l-aqwa msieħba li għandu l-Gvern ċentrali biex isaħħaħ il-komunitajiet.
“Għandna tlett xhur ta’ ħidma intensiva quddiemna, ejja ħa nkomplu mexjin ’l quddiem ponn wieħed magħqud flimkien sabiex inġibu l-aqwa riżultat possibbli għal dan il-moviment taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela. Nirringrazzjakom.”