Waqt l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, tkellem dwar xi tfisser it-tema ta’ din il-Konferenza – ‘Fiduċja f’Pajjiżna’ – u sostna li l-fiduċja tiġi biż-żmien u bid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Huwa semma d-deċiżjonijiet li ħau qd jieħu l-gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru, Robert Abela, waqt il-pandemija u anki issa, fi żminijiet ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent.
Il-Perit Micallef qal li l-fiduċja tfisser ukoll li l-ekonomija Maltija se tikber disa’ darbiet iżjed mill-medja Ewropea.
Sostna li, mal-mejda tad-diskussjoni fil-fora internazzjonali, pajjiżna jwassal il-messaġġ favur il-paċi u l-għaqda.
Daniel Micallef tkellem ukoll dwar ir-riformi li qiegħed jagħmel Gvern Laburista, fosthom l-emendi fil-liġi biex tiġi protetta l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala.
Qal ukoll li l-Partit Laburista mill-Gvern qiegħed jagħmel iżjed riformi, inkluż permezz tat-twettiq tal-manifest ‘Malta Flimkien’.