“Il-poplu jippreferi li l-Partit Laburista jmexxi, imma jrid verżjoni differenti, bl-affarijiet isiru b’mod differenti.”
Dan intqal mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef f’kumment li għadda lil ONE News miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar il-Ħadd filgħaxija.
Micallef sostna li l-poplu tkellem b’mod ċar fl-elezzjoni tas-Sibt u qal li issa l-Partit Laburista jrid jibqa’ jiġġedded b’ideat ġodda. Intqal li issa tliet snin qabel l-elezzjoni ġenerali hu importanti li jsir dan il-proċess.
Micallef saħaq li dan għandu jsir biex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’pajjiżna.
Id-Deputat Mexxej Laburista sostna li hu ottimist li l-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.