Daniel Holmes, li kien ingħata sentenza ta’ għaxar snin priġunerija lura fl-2011 wara li nstab ħati li kien qed ikabbar pjanti tal-kannabis, x’aktarx se jkun qed jinħeles fuq parole fix-xhur li ġejjin.
Qal dan Holmes mal-ġurnal barrani Mirror fejn sostna li hemm ċans li jinħeles fuq parole f’Awwissu li ġej.
F’intervista li għamel miċ-ċella tiegħu, hu qal li għandu fiduċja li se jkun qed joħroġ miċ-ċella f’Awwissu. Sostna li mhux se tkun faċli sabiex jerġa’ jirritorna lura għal ħajja normali wara dak li ġara.
Daniel Holmes, minn Newport South Wales, kien instab ħati fil-Qorti t’Għawdex fl-2011 li kien qed ikabbar pjanti tal-kannabis fejn ngħata sentenza ta’ ftit aktar minn għaxar snin ħabs. Hu kien ġie arrestat fis-sena 2006 fejn miegħu kien ġie arrestat sieħbu Barry Lee b’rabta mal-istess każ, fejn neħħa ħajtu b’idejh fl-2010.
Daniel u martu Marzena żżewġu waqt li hu kien fil-ħabs fl-2012 iżda martu kellha tirritorna lura lejn Cardiff f’Diċembru tal-istess sena. Daniel spjega mal-ġurnal li hu jixtieq imur lura f’pajjiżu hekk kif familtu hemm tinsab. Hu ltaqa’ ma’ bintu Blossom fl-2016 għall-ewwel darba wara li ġiet ikkonċeputa fil-ħabs.
Sostna li mal-ħelsien tiegħu hu se jkun qed jiġġieled biex jillegalizza l-kannabis fejn qal li jrid jgħix f’dinja li parti minn ħajtu mhix reat kriminali.
Missier Daniel qal li jekk ibni jinħeles, mhux se jkunu qed jagħmlu ċelebrazzjonijiet kbar hekk kif jaħseb li hix xi ħaġa li hu jixtieq. Sostna li ibnu probabli jippreferi joqgħod ‘il bogħod mill-għajn tal-midja u jgawdi ħinu mal-familja.