Daniel Azzopardi ġie maħtur bħala d-Direttur Artistiku l-ġdid.
Azzopardi se jkun is-suċċessur ta’ Dr Toni Sant, hekk kif fl-aħħar snin kien iservi ta’ senior manager tal-program ta’ Spazju Kreattiv kif ukoll direttur ta’ ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ.
Azzopardi se jkun it-tieni Direttur Artistiku wara li riċentement okkupa l-irwol ta’ senior manager tal-programm fi ħdan il-Fondazzjoni Kreattività. Huwa kien responsabbli li jara l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-program ta’ Spazju Kreattiv, kif ukoll festivals bħall-Valletta International Visual Arts (VIVA) u l-avveniment għaż-żgħażagħ MalTeen. Hu kien responsabbli ukoll għall-immaniġjar tal-proġetti tal-istaġun, filwaqt li jiżgura li hemm sinerġija olistika mal-missjoni u l-għanijiet strateġiċi tal-organizzazzjoni.
Bil-ħatra tiegħu, Azzopardi se jġib viżjoni ġdida għall-kapitlu li jmiss tal-Fondazzjoni Kreattività li jkompli jibni fuq is-suċċess li nkiseb fl-aħħar snin u jiżgura li l-programm annwali ta’ Spazju Kreattiv ikun relevanti daqs kemm huwa effettiv biex jilħaq lil kreattivi, imsieħba settorjali u komunitajiet lokali oħra.
Bejn l-2016-2019 huwa serva bħala direttur tal-festival ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, billi mhux biss stabbilixxa l-festival fil-kalendarju nazzjonali iżda wkoll fiċ-ċirkwit internazzjonali. Il-program tal-festival ikkurat minn Azzopardi, li kien jinkludi għażla ta’ proġetti internazzjonali ta’ livell għoli flimkien ma’ xogħlijiet ikkummissjonati, ingħata l-premju għall-aħjar programm artistiku fiċ-ċerimonja organizzata mill-Kunsill Malti għall-Arti fl-2018.
Azzopardi ilu attiv bħala intraprenditur kulturali u kreattiv mill-2010 u kien involut fit-tfassil tal-politika, l-iżvilupp artistiku, l-ippjanar tal-istrateġija u l-koordinazzjoni tal-proġetti. Matul dan iż-żmien huwa kien ukoll responsabbli għat-tmexxija ta’ numru ta’ avvenimenti nazzjonali bħall-WOMAD fest lura fl-2013, u Malta Showcase fl-2015.