F’attività mtella’ mill-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela stqarr li f’Daniel jara suldat tal-azzar.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li dejjem emmen fih, għax iħaddan valuri soċjali sodi u b’konvinzjoni u ma jiddejjaq qatt isemma’ leħnu, anke jekk kultant ikun jaqbillu joqgħod sieket. Dan għax Daniel qatt ma jiddejjaq jitkellem dwar dak li jemmen fih.
Meta talbu biex jikkontesta għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru stqarr li Daniel ma qagħadx jaħsibha, għax qallu li, jekk dik kienet ix-xewqa tiegħu, hu hekk se jagħmel.
Quddiem dawk miġburin fl-attività ta’ Daniel Attard, il-Prim Ministru tenna li l-istess folla hi xhieda ta’ kemm it-tajjeb kulħadd jaf jagħżlu.