L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard kien il-kelliem ewlieni fis-Summit Ewropew tal-Linja tal-Ajru Reġjonali li sar fl-aħħar jiem f’Copenhagen. Is-summit jiġbor flimkien l-aktar operaturi prominenti fis-settur tal-ajru reġjonali bħall-Air Baltic, Lufthansa Group, KLM, Luxair u oħrajn.
Dawn flimkien ma’ msieħba u stakeholders oħra fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal Airbus, Rolls-Royce u anke rappreżentanti ta’ ajruporti reġjonali.
Dan l-avveniment huwa wieħed importanti fil-formazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-avjazzjoni, u r-rwol kruċjali ta’ din l-industrija għall-konnettività ekonomika u soċjali.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċċjazzjoni tal-Linja tal-Ajru Reġjonali, Montserrat Barriga, laqgħet il-kontribut ta’ Daniel Attard u ddeskrivietu bħala vuċi ewlenija tas-settur fil-Parlament Ewropew. Hija qalet li l-impenn tiegħu favur qafas regolatorju li jirrifletti l-bżonnijiet veri tal-industrija huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba għall-Ewropa.
Waqt id-diskors tiegħu, Attard saħaq fuq il-ħtieġa li l-politika Ewropea tirrifletti r-realtajiet tal-operaturi żgħar u reġjonali, speċjalment fid-dawl tal-isfidi regolatorji u ambjentali li qed jaffaċċjaw.
Waqt is-summit, l-Ewroparlamentari Laburista fisser kif “minn perspettiva ta’ gżira żgħira, nifhem li l-konnettività mhux lussu, imma ħolqa indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Attard għalhekk ġedded l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem favur bilanċ ġust li jħares il-miri ambjentali u l-kompetittività tal-industrija.