Is-Sibt li għadda l-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dr Daniel Attard kien mistieden biex jiddibatti ma’ Adrian Delia fuq il-programm Għandi Xi Ngħid ta’ Andrew Azzopardi. Madankollu ftit sigħat qabel beda l-programm, Newsbook infurmaw lil Daniel Attard li dan id-dibattitu tħassar. Waqt il-programm Azzopardi naqas milli jispjega din id-deċiżjoni.
Wara li Daniel Attard ħabbar dan fuq il-midja soċjali, l-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia bħal donnu ħadha bħala xi attakk personali u kien pront jisfida lil Daniel Attard għal dibattitu fejn u meta jrid. Fl-istess waqt il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net TV Robert Cremona kien pront jibgħat stedina personali lil Daniel Attard u saħansitra ppubblika l-email li bagħat fuq il-midja soċjali bil-għan li jipprova jirredikolah għaliex kemm hu, kemm Delia u kif ukoll bosta esponenti tal-Partit Nazzjonalista assumew li Attard mhux se jkun qed jattendi.
Taħt dawn il-posts fuq il-midja soċjali kienu ħafna dawk għażlu li jattakkaw lil Daniel Attard. Kien hemm min għajru beżżiegħ, kiesaħ, tifel żgħir u kien hemm ukoll min qal li l-PL ħareġ direttiva biex ħadd mill-kandidati ma jmur fuq Net TV.
Għal kuntarju ta’ dan però Daniel Attard b’kalma u konvinzjoni stqarr li għall-kuntrarju ta’ Roberta Metsola li mhi taċċetta li tieħu sehem fl-ebda dibattitu, hu aċċetta din l-istedina u se jkun qiegħed jiddibatti fuq Net TV ma’ Adrian Delia nhar il-Ħamis li ġej.