L-Unjoni Ewropea m’għandhiex twaqqaf lill-istati membri milli jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom permezz ta’ sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl. Dan esprimieh il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Dr Daniel Attard, waqt dibattitu dwar l-Unjoni tal-Enerġija fil-Parlament Ewropew.
Hu kien qed jirreaġixxi għall-pressjoni, li qegħda ssir anke mill-Kummissjoni Ewropea biex jitwaqqfu s-sussidji, li l-Gvern ilu joħroġ mill-bidu tal-kriżi internazzjonali kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli.
Dr Attard tenna li għal gżejjer żgħar, bħal Malta u Għawdex, fit-tarf tal-Ewropa u b’aċċess limitat għall-kumplament tal-Ewropa u b’konsum ferm aktar baxx minn pajjiżi oħrajn, l-ispiża għall-ġenerazzjoni tal-enerġija hi ferm ogħla.
F’dan il-kuntest, hu nsista li, minflok tpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa, l-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta l-bżonnijiet varji tal-pajjiżi kollha tagħha.
“Għalhekk, filwaqt li rridu nkomplu naħdmu fuq l-iżvilupp tal-enerġija nadifa, m’għandniex nirrestrinġu miżuri ,bħas-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl, li huma essenzjali għal pajjiżi bħal Malta.”
Daniel Attard
L-Ewroparlamentari Laburista kkonkluda li l-ġustizzja tfisser ukoll flessibilità u Unjoni tal-Enerġija, li tkun tassew inklussiva, trid tħaddan dawn id-diverġenzi, mhux tikkastigahom.