Matul l-jum tas-Sibt quddiem il-Parlament ġewwa l-Belt Valletta ttellgħet l-attività ‘Dancing with Pride’.
F’belt mimlija kuluri, dawk preżenti ngħaqdu flimkien u tgħallmu ż-żifna tal-Europride, li se jsir bejn is-7 u 17 ta’ Settembru li ġej.
F’atmosfera mimmlija brijju u ferħ numru kbir ta’ persuni pparteċipaw fiż-żifna lebsin flokkijiet u kpiepel ikkuluriti tal-Europride.
Il-moħħ wara ż-żifna, Luke Brincat, idderiġiehom mad-diska tal-kantanta ta’ fama mondjali, Christina Aguilera, il-kantanta li ġejja f’pajjiżna f’Settembru li ġej għall-Europride.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, f’kumment ma’ dan l-istazzjon spjegat ukoll li qed jitħejjew numru ta’ attivitajiet għal-Europride, dan sabiex jitwassal il-messaġġ tal-Europride; l-ugwaljanza mill-qalb.
“Attività bħal ta’ illum li tilħaq ħafna persuni differenti mis-soċjetà kollha, ser nkunu qegħdin inwasslu l-mesaġġ li Malta fl-aħħar mill-aħħar għamlet qabża l-quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ċivili u qed inkomplu naħdmu biex ikollna ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum.”
Din iż-żifna qed issir bi preparazzjoni għal-Europride 2023, hekk kif pajjiżna rebaħ il-kompetizzjoni kontra Rotterdam u Belfast, u din is-sena, se jospità dan l-akbar avveniment Ewropew favur persuni LGBTIQ, li ta’ kull sena jattira diversi persuni minn madwar id-dinja.