Il-Festa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa din is-sena ser tkun qiegħda tiftah is-separju tal-istaġun tal-festi Maltin u Għawdxin għas-Sajf 2018. Minkejja li din il-Festa m’għandiex storja antika meta ikkumparata ma’ festi oħra xorta waħda nistgħu ngħidu li din qiegħda tikber b’rittmu mgħaġġel hafna.
Il-Banda Trinita Qaddisa ser torganizza il-Marċi tradizzjonali tagħha mat-toroq tal-Marsa nhar il-Erbgha 23 ta’ Mejju 2018, Il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2018, dak brijjuż u rinomat mal-poplu Marsi nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju 2018 u kif ukoll il-Programm Vokali u Strumentali lejlet il-Festa taħt id-direzzjoni tas-Surmast David Joseph Sammut.
Fit-tielet Jum tat-Tridu , il-Banda Trinita Qaddisa ser tagħmel il-Marċ brijjuż tagħha fit-toroq tal-Marsa li jintemm bi spettaklu ta’ nar bl-isem ta’ “Dancing Colours in the Sky”, organizzat mill-Kummissjoni Trinitarji fi ħdan l-istess Soċjetà. Min ser jieħu l-opportunità li jattendi għal dan l-ispettaklu ser jkun jista’ jammira ix-xogħol tal-piroteknika uniku minn fuq il-bjut tas-sede sinkronizzat mal-Mużika.
Nhar il-Hadd 27 ta’ Mejju 2018 il-Banda Trinita Qaddisa tagħmel il-Marċ brijjuż tagħha fit-toroq tal-Marsa li jibda mill-11:00 sat-15:00. F’dan il-marċ jindaqqu Marci popolari propjetà ta’ din is-Soċjetà u kif ukoll jintemm bi spettaklu grandjuż li ser jiġi organizzat għall-ewwel darba fil-Marsa.
Ser jkun hemm spettaklu uniku ta’ karti u nar sinkronizzati mal-mużika faċċata tas-sede tas-Soċjetà Muzikali Trinita Qaddisa qalb atmosfera brijjuza, kif jaf jagħmel il-poplu Marsi.