Ir-reazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, għall-każ ta’ korruzzjoni li heżżeż il-Parlament Ewropew qed tkun waħda iebsa.
Metsola rreaġixxiet billi qalet li dan hu attakk fuq id-demokrazija Ewropea, iżda iktar attivisti u entitajiet Ewropej qed jinsistu li t-tmexxija tal-Parlament Ewropew ilha li messha ħadet ċerti passi.
Għall-Professur tal-Liġi u fundatur ta’ The Good Lobby Alberto Alemanno, il-kliem ta’ Metsola fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn ma tantx kien impressjonanti. Fi tweet li ġiet irrapportata wkoll mill-ġurnal awtorevoli Politico, Alemanno qal lil Metsola li “le, dan MHUX attakk fuq id-demokrazija Ewropea.”
“Qatargate is self-inflicted damage,” żied Alemanno. Fi kliem ieħor, qalilha li ġabuha bi jdejhom.
Fil-fatt, irrimarka li l-Parlament Ewropew storikament dejjem irreżista regoli ta’ integrità u sistemi ta’ infurzar effettivi. Anke uffiċjali ta’ Transparency International EU insistew fuq passi li messhom li ilhom li ttieħdu.
Il-ġurnal Politico rrapporta wkoll li ħadd ma jista’ jaħrab mill-fatt li l-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet tiegħu fallew, tant li kienu l-awtoritajiet Belġjani li qabdu dan kollu.
“Il-kelliema tal-Parlament Ewropew kienu qed jaħdmu bil-qawwa biex idawru l-istorja biex jidhru li kkoperaw mal-awtoritajiet Belġjani. Bħallikieku hija xi kisba kbira li għamlu dak li qaltilhom il-pulizija Belġjana,” kompla jirrapporta l-Politico.
Qal ukoll li dan l-iskandlu jitfa’ dawl ukoll fuq il-mod sigriet kif jaħdem il-Bureau tal-Parlament Ewropew. Dan il-Bureau ġie deskritt bħala li hu kollox minbarra trasparenti. Fl-aħħar ġimgħat saħansitra kien f’kontroversja kbira għall-mod kif Roberta Metsola ħatret liż-żiemel tagħha bħala Segretarju Ġenerali, kontra kull forma ta’ trasparenza u kontabbiltà.