Din il-bidla li qed iwettaq il-Gvern se jkun qed jolqot l-għerq tal-problemi li kienu qed jaffaċċjaw il-bdiewa.
Kien b’dan il-kliem li l-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, irreaġixxa għal avviż legali li ħareġ il-Gvern, u li se jkun qed jagħti serħan il-moħħ lill-bdiewa li jaħdmu raba’ tal-privat bil-qbiela.
Din ir-riforma hija maħsuba biex tara li jintlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri sid ir-raba’ u l-bidwi, filwaqt li jiġu ggarantiti s-sostenibilità tal-biedja, il-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Ma dan l-istazzjon, is-Sur Borg qal li dan huwa avviż legali pożittiv li se jagħti serħan il-moħħ lill 7,500 bidwi.
“Hija liġi pożittiva immens. Hija, fl-opinjoni tiegħi, game changer. Dan għax naħseb li tolqot l-għerq tal-problemi li kienu qed jaffaċċjaw il-bdiewa li kellhom kawża pendenti u għandhom ir-riskju li jkollhom kawża pendenti”.
Il-Gvern ħabbar li l-valuri ppubblikati se jirriflettu diversi fatturi bħall-fond tal-ħamrija, l-aċċess għall-ilma, u l-aċċess għat-toroq, fost oħrajn. B’hekk, ikun assigurat li ma jkunx hemm varjazzjoni ta’ stimi għall-istess art agrikola.
Dawn il-valuri se jkunu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern u għandhom jiġi riveduti kull ħames snin.
Intant, fil-fehma ta’ Emmanuel Grima, bidwi żgħażugħ, dan l-avviż legali se jkun qiegħed jipprovdi prezz ġust u xieraq għall-kirja tar-raba’ agrikolu u fl-istess ħin toffri aktar ċertezza, stabbilità, u serħan il-moħħ fil-qasam.
“Dawn kienu għellieqi, u ma kienx hemm liġi sostanzjali li kienet qed tissalvagwardjahom. B’din il-legal notice, issa, hemm xi ħaġa ċara u konkreta fejn il-bidwi se jħallas prezz ġust u prezz moderat, kemm għallih u kemm għal sid il-għalqa.”