F’diskors pożittiv fl-attività politika fil-Mellieħa, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li minkejja ż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom, dan il-Gvern baqa’ u se jibqa’ dejjem viċin in-nies.
Ftit jiem qabel il-ġurnata li timmarka sena mindu ħa t-tmun tal-pajjiż u tal-Partit Laburista, Robret Abela ta ħarsa lejn kif it-tmexxija tiegħu żammet mal-wegħdiet li għamel għal pajjiżna, fosthom Korp tal-Pulizija aktar effiċjenti.
Qal, “X’wegħdna iżjed? Li nagħmlu riformi kbar fil-qasam tal-Governanza tajba. Il-bidliet li għamilna llum qalulna li ma nistgħux nagħmluhom imma għamilnihom. Wegħdna li nrażżnu l-problema tal-immigrazzjoni problema li gvernijiet suċċessivi tul is-snin ma sabux tarfha. Wegħdna hekk, u wettaqna hekk.”
Il-Prim Ministru semma wkoll l-akbar Budget Ewropew fl-istorja ta’ pajjiżna u saħansitra l-aqwa Budget li qatt ħabbar Gvern Laburista.
Hawnekk Robert Abela wiegħed aktar xogħol u saħansitra qal li qabel ma jitwettqu l-wegħdiet kollha fil-manifest elettorali, dan il-Gvern ma jmurx għal elezzjoni.
Qal, “Is-sena li għaddiet ħdimna kemm flaħna, ħdimt kemm flaħt. Din is-sena inwegħdkom li naħdem iżjed. Naħdmu biex dak li tellfet il-pandemija nġibuh lura. U jifdal dak li jiġi mill-manifest elettorali tal-2017 li rridu nwettquh kollu.”
Il-Prim Ministru semma wkoll iċ-ċertifikat b’saħħtu li ngħata pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu DBRS.
Spjega li, “Waqt li kien għaddejj l-għawġ tal-pandemija mhux biss żammejna l-ekonmija għaddejja- ikkumentat l-aġenzija – iżda l-amministrazzjoni ġdida mmexxija minni daħlet f’Malta enerġija, impetus ġdid biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.”
Il-Prim Ministru qal li dawn il-kisbiet ma sarux b’kumbinazzjoni imma b’ħidma kontinwa u viżjoni ċara ta’ Gvern li ma jħalli lil ħadd jaqtagħlu qalbu.