“Dan il-budget huwa investiment għall-futur.”
Hekk iddeskriva l-budget għas-sena d-dieħla l-analista finanzjarju Robert Borg waqt intervista ma’ ONE News b’reazzjoni għall-miżuri li tħabbru t-Tnejn.
Budget li minkejja li huwa b’saħħtu soċjalment jwitti t-triq għall-futur ekonomiku b’saħħtu għal pajjiżna.
L-Analista Finanzjarju t’esperjenza kbira Robert Borg rrimarka kif fi żmien ta’ pandemija fejn id-defiċit ta’ Malta kiber, kien ikun faċli għall-Gvern li jintroduċi taxxi ġodda.
Huwa stqarr: “Kien ikun faċli għall-Gvern nistgħu ngħidu li meta jkollok defiċit ta’ 9% kien iżid it-taxxi fil-pajjiż biex jerġa’ jikkontrolla d-defiċit madankollu hawnekk rajna bil-kontra.”
Fil-fatt l-Analista Finanzjarju faħħar miżuri bħar-rawnd ieħor tal-vouchers, it-twessigħ fl-in-work benefit u ż-żieda fiċ-children’s allowance.
Miżuri li daħħal il-Gvern sabiex jinċentiva l-konsum u x-xogħol u jtejbu l-fiduċja fl-ekonomija Maltija. Hawnekk Borg qal kif dawn huma kruċjali sabiex malli tgħaddi l-pandemija, l-ekonomija terġa’ taħrab tiġri ‘l quddiem.
Is-Sur Borg qal: “Wieħed irid jara li dan l-inċentiv u l-istimolu li qed jagħmel il-Gvern x’inhu fir-realtà? Fir-realtà dan huwa investiment. Investiment li għandu jrendi dak ix-xogħol neċessarju fil-futur biex nerġgħu nirriversjaw id-deficit li qed nikrejaw bħalissa.”
Borg temm jgħid kif dan il-Budget se jgħin sabiex jintlaħqu l-previzjonijiet ekonomiċi ta’ rkupru mill-pandemija.
Huwa kompla jispjega: “Il-previżjonijiet huma li s-sena d-dieħla jkollna tkabbir reali ta’ 5% fil-GDP li hija nkoraġġanti ħafna u dak kollu ħa jiġi għax hemm projections tajbin li l-investiment ħa jseħħ u allura l-investiment li qed iwettaq il-Gvern fl-ekonomija qiegħed propju jinċentiva l-fiduċja fil-pajjiż.”