Waqt il-mass meeting fil-Belt Valletta li ċċelebra Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’dan ix-xahar se jitħabbru 15-il proġett ta’ spazji miftuħa b’kollaborazzjoni ma’ Kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi.
Dr Abela ħabbar dan quddiem folla kbira ta’ ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin li attendew bi ħġarhom u kkontribwixxew għal atmosfera ta’ festa mill-isbaħ li tiċċelebra l-ħaddiem Maltin.
Il-Prim Ministru spjega li dawn il-proġetti huma wkoll frott proposti li resqu bihom l-istess Kunsilli Lokali u għaqdiet.
“Dan ix-xahar nagħtu wkoll id-dettalji dwar ħmistax-il proġett li se nibdew mal-Kunsilli Lokali permezz ta’ Project Green. Din l-iskema ta’ proġetti waħedha tfisser investiment ta’ għaxar miljun ewro. Bdejna u se nkomplu noħolqu spazji ħodor fil-qalba tal-irħula.”
Fl-istess ambitu, il-Prim Ministru kompla jikkonferma l-impenn tal-Gvern fil-qasam ambjentali f’pajjiżna, din id-darba b’aħbar importanti dwar medda ta’ art f’Bormla; art li fuqha kien se jsir żvilupp ta’ dormitorju mill-Università Amerikana ta’ Malta u li, b’deċiżjoni tal-Gvern, se tkun qed tingħata lura lin-nies.
“L-ambjent mhux eċċezzjoni. Il-Ħamis nibdew nikkonsultaw fuq spazju ġdid li rridu noħolqu f’Bormla fuq art li qabel kienet se tinbena: wiegħda elettorali oħra li se titwettaq.”
B’rabta’ mas-settur ambjentali, il-Prim Ministru ma waqafx hawnhekk. Minkejja li aċċenna għad-deċiżjonijiet tal-Gvern fuq dan il-qasam, sostna wkoll li għandu jkun hemm aktar riformi b’rabta mal-liġijiet ambjentali.
“Għadu jagħmel sens, jekk qatt kien jagħmel sens, li l-liġi tal-ippjanar tħalli x-xogħol ta’ żvilupp jibda meta l-permess ikun għadu qed jigi kkontestat b’appell quddiem it-Tribunal jew il-Qorti? Għandu l-pajjiż jibda jiddiskuti kif jista’ jindirizza din is-sitwazzjoni u jara ż–żewġ naħat tal-munita? Ejja niddiskutu riformi li, filwaqt li ma jagħtux lok għall-abbuż u sabotaġġi, jinħassu ġusti minn kulħadd. Fuq quddiem nett miċ-ċittadin, miż-żgħir. Nemmen li hija bidla oħra li m’għandniex nibżgħu nibdew niddiskutu.”
Intant quddiem folla kbira ta’ nies li saħansitra wasslet sa barra bieb il-Belt, il-Prim Ministru tenna li bħala poplu għandna żmien sabiħ quddiemna.
Dan anke wara laqgħat u żjarat ma’ ħaddiema u familji fuq il-post tax-xogħol tagħhom fl-aħħar ġimgħa.
“Għalhekk konvint li se naslu u pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem. Iċ-ċertezza u l-istabbiltà jagħtuna s-serħan il-moħħ li fuqu nkomplu nibnu. Ix-xogħol se jkompli jiġi. Se jiġi xogħol ta’ kwalità li joffri karrieri. Il-ġid se jkompli jinħoloq. U aħna se nibqgħu naħdmu biex minn dak il-ġid igawdi kulħadd. Ftakru: għadna fil-bidu tal-leġiżlatura. Għaddiet biss l-ewwel sena, minn ħamsa.“