Dan ix-xahar, fl-isptar St Thomas f’Ħal Qormi, bdew isiru medja ta’ tmien operazzjonijiet kuljum li qed iħallas għalihom il-Gvern.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega kif dan l-isptar privat intagħżel wara li s-sena l-oħra ħarġet sejħa kompetittiva u ġie ffirmat kuntratt biex il-Gvern ikun jista’ jikri sala tal-operazzjonijiet f’dan l-isptar u ħmistax-il sodda miegħu.
Il-kirurgi tal-Isptar Mater Dei qegħdin jaħdmu f’dan l-isptar kuljum biex pazjenti li kienu fuq il-listi ta’ stennija ta’ Mater Dei, qed isirulhom l-operazzjonijiet mingħajr ħlas, li jvarjaw minn interventi ta’ kirurġija ġenerali għal dawk tal-għajnejn u tal-ġinekoloġija, fost l-oħrajn.
L-interventi kirurġiċi qed isiru mit-Tnejn sas-Sibt, u huwa stmat, li matul din is-sena, se jkunu saru aktar minn elfejn operazzjoni f’dan l-isptar privat.
Fl-ispjega tiegħu dwar il-ħidma li qed issir biex tonqos dejjem aktar l-istennija tan-nies għall-operazzjonijiet, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li s-sena l-oħra saru aktar operazzjonijiet minn kemm saru fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Fil-fatt, fl-2019 saru 56,000 operazzjoni, fl-2020 saru 40,500 operazzjoni, fl-2021 saru 50,200 operazzjoni u fl-2022 saru 60,500 operazzjoni.
OPERAZZJONIJIET
2019 – 56,000
2020 – 40,500
2021 – 50,200
2022 – 60,500
Dan il-ftehim daħal fis-seħħ biex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija għal ċertu operazzjonijiet, wara li matul is-sentejn tal-pandemija, kien hemm madwar 22,000 operazzjoni li kellhom jiġu posposti.
Chris Fearne fakkar ukoll kif aktar tard din is-sena, malli jiftaħ iċ-ċentru Vincent Moran f’Raħal Ġdid, se jkun hemm żewġ swali oħra tal-operazzjonijiet biex ikomplu jiżdiedu l-interventi li jistgħu jsiru.
Il-Ministru tas-Saħħa qal ukoll kif minn April li għadda, l-operazzjonijiet bdew isiru anki fil-Ħdud u fil-festi, u fil-fatt f’dan il-perjodu saru tmien mitt operazzjoni.
Ritratt Ewlieni: Getty Images