Ingħata bidu għall-ħmistax-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima li bdiet f’nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa u tibqa’ sejra bla waqfien sa nhar il-Ħadd li ġej f’nofsillejl.
Maratona li tiġbor fondi għall-ħidma tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fid-Dar ta’ San Ġużepp, u l-missjonijiet barra minn xtutna, fil-Peru, l-Filippini, u l-Pakistan.
Żorna l-maratona li qed issir f’dar San Ġużepp u hemmhekk iltqajna ma’ Fr.Louis Mallia, Direttur tad-Dar ta’ San Ġużepp.
Qalilna li jara tliet pilastri f’din il-maratona: il-ġenerożità tal-voluntiera, il-ġenerożita’ ta’ min iċempel u jagħti l-kontribut tiegħu u l-id t’Alla li tagħmel dan kollu possibbli.
Huwa rrefera għall-ġenerożità tal-poplu li tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena sostniet il-missjonijiet ta’ din is-Soċjetà, “l-idea kienet li niġbru ftit finanzi biex nistgħu ngħinu lill-foqra fil-proġetti differenti ta’ pajjiżi differenti, inkluż Malta, inħoss li kull sena esperjenza ġdida iżda parti minnha kienet li stajt nara tant affarijiet sbieħ.”
Għalhekk, l-appell huwa għall-pubbliku Malti u Għawdxi kollu biex jipparteċipa f’din il-maratona, billi jżur l-attività f’Santa Venera u jagħti d-donazzjoni tiegħu.
Is-sittin siegħa tal-maratona ser ikunu qed jixxandru wkoll fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali fosthom fuq ONE.