“Dan is-sajf imn’alla kienu l-vouchers għax bihom morna tajjeb ħafna.”
Dan huwa s-sentiment ta’ sid tal-ħwienet tal-ħwejjeġ Centro Moda fejn f’kummenti ma’ ONE News rringrazzjat lill-Gvern għal din l-inizjattiva li biha stimula l-ekonomija wara li l-ħwienet kellhom iqattgħu numru ta’ ġimgħat magħluqin minħabba l-imxija tal-pandemija.
“Dan is-sajf imnalla kienu huma għax bis-saħħa tajba bqajna għadejjin, morna tajjeb għax dan ikun hemm min itik voucher €20 u jonfoq €20 u jkun hemm min b’voucher ta’ €20 żied u nefaq €60. Dan is-sajf imnalla kienu huma, grazzi lill-Gvern għax morna tajjeb.”
Camilleri, li hija qariba tad-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, ħasset li titkellem ma’ dan l-istazzjon dwar il-vouchers wara li Vassallo nfexx jattakka l-vouchers tal-mitt ewro li taw injezzjoni qawwija fl-ekonomija u tant familji u negozji gawdew minnhom.
Edwin Vassallo qal li dawk li sejħilhom kuppuni, huma tal-mistħija.
Iżda s-sid tal-ħanut li miegħu m’għandu x’jaqsam xejn Vassallo kompiet titkellem favur il-ġid li jħallu l-vouchers.
“Naf li hawn għidud li l-vouchers ħa jera jtihom. J’alla jerġa jtihom għax in-nies marru tajjeb bihom u inizjattiva sabiħa biex in-nies ikollha x’tonfoq u bis-saħħa tagħhom tonfoq in-nies.”
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif dawn il-vouchers kienu importanti sabiex jiġi ġġenerat dħul fi żmien fejn għaddejjin minn kriżi globali kawża tal-imxija COVID-19 u permezz ta’ hekk setgħu anke jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom.
F’din l-istqarrija ntqal kif minkejja li kienu bosta n-negozjanti u sidien tal-ħwienet li tkellmu b’mod apert kemm dawn il-vouchers ħallew effett fuq il-bejgħ tagħhom, xorta waħda d-deputat ta’ Bernard Grech, Edwin Vassallo, sejjaħ din il-miżura bħala ‘tal-mistħija’.
“Huwa ċar li bħal mexxeja li ġew qablu, Bernard Grech m’għandu l-ebda kredenżjali fis-settur ekonomiku”, saħaq il-Partit Laburista meta rrefera għal dak li ddikjara d-deputat Nazzjonalista responsabbli mis-self employed.
“Dan huwa pajjiż li spiċċajna b’ekonomija li ħafna nies fin-negozju saru jiddependu u jieħdu r-ruħ, jekk il-Gvern jagħti l-kuppuni, le din tal-mistħija.”