Dan is-sajf, ħdax-il bajja f’Malta u f’Għawdex, fosthom t’Għajn Tuffieħa, tal-Mellieħa, ta’ Ħondoq ir-Rummien u ta’ Marsalforn, se jtajru l-bandiera l-blu.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja tal-Għadira ġie spjegat kif dawn il-bajjiet jiġu analizzati mill-organizzazzjoni internazzjonali tal-bandiera l-blu, b’ġurija magħmula minn uffiċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Unjoni Ewropea, fost l-oħrajn, li jevalwaw il-bajjiet u jaraw liema ħaqqhom jieħdu l-ogħla timbru li jattira tant turisti.
Vincent Attard, il-President Eżekuttiv tan-Nature Trust, l-organizzazzjoni li tirrappreżenta l-bandiera blu f’Malta, spjega li madwar id-dinja hawn ħamest elef bajja li jtajru din il-bandiera.
Biex bajja tingħata dan iċ-ċertifikat, trid tissodisfa erba’ kriterji.
“Trid tara l-health and safety fuq il-beach, li għandek il-lifeguards, li l-bajja hija mnaddfa u m’għandekx perikli, li għandek ukoll informazzjoni fuq l-ambjent u anki per eżempju fil-każ ta’ Malta, jekk ikollok beach nadif huwa tajjeb biex tattratta fkieren ibejtu u tattira l-prodott turistiku, għandek ukoll il-kwalità tal-baħar li hija importanti u l-aħħar u mhux l-inqas l-immaniġġjar tas-siti, li għandek beach immaniġġjat bl-ispart separat u kull min ikun fuq il-bajja jaf li qiegħed f’post sigur” qal is-Sur Attar.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li l-bandiera l-blu tfisser qabża oħra biex minn pajjiżna verament nagħmlu ċentru ta’ eċċellenza fuq kull livell.
Il-Ministru qal, “iċ-ċertifikat tal-blue flag huwa pass ieħor ’il quddiem fid-direzzjoni li qegħdin naqbdu bħala pajjiż fejn tidħol il-kwalità. Irridu naraw li l-kwalità tkun l-ordni tal-ġurnata u huwa grazzi għal deċiżjonijiet bħal dawn li pajjiżna kapaċi jkun ċentru ta’ eċċellenza turistika biex naraw li t-turist li jiġi f’pajjiżna jkollu kwalità fl-esperjenza tiegħu biex ladarba jitlaq minn pajjiżna jkun imħeġġeġ jerġa’ jiġi għal btala oħra fis-snin ta’ wara.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Gavin Gulia, innota li l-bajjiet f’pajjiżna huma parti integrali mill-prodott turistiku Malti u allura dan it-timbru prestiġġjuż tal-bandiera l-blu se jkun kruċjali biex jattira aktar turisti lejn gżiritna.
Intant, l-għaqda internazzjonali tal-bandiera l-blu faħħret lill-bajjiet Maltin b’mod partikolari għall-miżuri xierqa li għandhom b’rabta mas-sigurtà minħabba l-imxija tal-Coronavirus.