L-aħħar sentejn huma l-aqwa prova ta’ kemm f’dan il-mument, jeħtieġ li l-Partit Laburista jibqa’ jmexxi lil pajjiżna.
Kien dan il-messaġġ b’saħħtu u ta’ serħan il-moħħ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela f’rally ieħor ta’ Team Malta li mela l-Padiljun ta’ Kordin bil-kuluri abjad u aħmar.
Il-Mexxej Laburista kien qed jitkellem f’kuntest ta’ kriżi u gwerra li qed tħasseb lil bosta, inkluż lilna l-Maltin.
Huwa fakkar kif bħalma quddiem l-effetti tal-pandemija, it-tmexxija ta’ pajjiżna għarfet x’kienu l-prijoritajiet tajbin, bl-istess mod se timxi issa quddiem kriżi internazzjonali oħra.
“Għalhekk f’mumenti oħra ta’ instabilità għad-dinja, dan il-pajjiż jistħoqqlu jagħzel stabilità. Fejn it-tmexxija tal-pajjiż tieħu deċiżjonijiet b’saħħithom biex il-maltemp nilqgħu għalih. Bħalma diġà qed nagħmlu billi nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma kumment riċenti tad-Direttur Reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li ddeskriva lil pajjiżna bħala “champion” għall-mod kif iġġieled il-pandemija.
Qal li dawk fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija, il-ħaddiema u n-negozji kienu “champions” u dak huwa r-riżultat ta’ meta Malta taħdem flimkien.
B’differenza, l-Oppożizzjoni wżat il-pandemija bħala ballun politiku u dejjem rat li tfixkel u tmur kontra l-pariri tal-esperti tas-saħħa.
“Se tkun għażla biex min joffri ċertezza u stabilità f’mument diffiċli, jew min joffri firda u instabilità. F’mument meta t-tmexxija għandha tkun iffukata fuq li tieħu deċiżjonijiet importanti. Staqsu lilkom infuskom, jekk intomx lesti tieħdu dan ir-riskju? Għalhekk l-emfasi trid tibqa’ dwar il-futur.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tkellem dwar il-kredibilità li għandu Gvern Laburista biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu.
Bl-istess mod wiegħed li Gvern immexxi minnu se jibqa’ jwettaq dak li jwiegħed, u appella lil kulħadd biex joħroġ jivvota, għaliex hemm min irid iġiegħel lill-poplu jemmen li jista’ jibqa’ d-dar għaliex id-deċiżjoni hija lesta.
“Għax hawn min hu lest biex kull vot li ma jintefax fil-kaxxa, jinterpretah bħala vot favorih. Min irid jagħmel l-għażla favur Malta Flimkien, fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu jrid jivvota għaliha b’mod ċar u b’saħħtu u se naħdmu aktar biex noffru pajjiż aħjar milli għandna diġà. Żidna l-pensjonijiet u se nżiduhom b’aktar. Żidna l-istipendji u se nerġgħu nżiduhom b’aktar. Naqqasna t-taxxi u se nerġgħu nnaqqsuhom. Għenna lin-negozji u se ngħinuhom aktar biex jikbru. Daħħalna l-in-work benefit u se nibqgħu nsaħħuh. Kif żidna ċ-children’s allowance, issa se naraw li tkun l-aktar żieda li jkollha effett. Għalhekk magħna tafu fejn qegħdin.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’diskors pożittiv quddiem folla sabiħa ta’ nies entużjasti għal futur isbaħ, il-Prim Ministru kompla juri l-viżjoni tal-Partit Laburista biex ikompli jmexxi ’l pajjiżna ’l quddiem.
Il-Prim Ministru wiegħed Malta isbaħ, Malta ta’ opportunitajiet u Malta fejn tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Immaġinaw kemm nistgħu nimxu ’l quddiem, jekk il-pjan li qed inpoġġu quddiemkom isir realtà. Għalhekk ejja dan il-pjan naħdmu għalih flimkien. Malta Flimkien, Malta magħquda. Malta Flimkien, b’ambjent isbaħ, Malta Flimkien, b’pagi aħjar, Malta Flimkien, b’pensjonijiet aqwa, Malta Flimkien, bi stipendji ogħla, Malta Flimkien, b’negozji li jaħdmu aktar, Malta Flimkien, b’ħaddiema kuntenti, Malta Flimkien, il-futur sabiħ.”
il-Prim Ministru Robert Abela