Kaxxi fuq kaxxi mgeżwrin taħt is-siġra sabiex nhar il-Milied niftħuhom u naraw x’rigali qlajna mingħand il-maħbubin tagħna. Madankollu, fost l-isbaħ rigali li nistgħu nagħtu huwa ambjent aħjar u aktar nadif. Għalhekk, dan il-Milied qabel tgeżwer xi rigal, qis x’se jiġri minn dik il-karta li se tuża.
Din is-sena bħal snin oħra l-Wasteserv għamlet kampanja dwar dan il-għan biex kemm jista’ jkun żmien il-Milied ma jkunx ta’ piż fuq l-ambjent biż-żieda ta’ skart iġġenerat minn nuqqas ta’ pjan.
Davinia Shead, uffiċjal tal-Wasteserv qalet illi llum hawn ħafna modi kif nistgħu ngeżwru r-rigali, fosthom anke affarijiet li nsibu fid-dar tagħna stess. Shead saħqet biex nevitaw tip ta’ wrapping paper li ma tkunx tista’ tiġi rriċiklata.
Spjegat li, “Wrapping paper li tkun tleqq jew fiha qisu l-foil jew inkella forsi l-glitters, dik it-tip ta’ karta ma tistax tiġi rreċiklata. Allura huwa importanti li jekk wieħed jippreferi r-wrapping paper, għandu jagħżel ir-wrapping paper li tista’ tiġi rreċiklata. Jekk imbgħad hemm min hu aktar interessat u jixtieq jara kif jista’ jnaqqas l-iskart li jiġi ġġenerat minn naħa tal-ippakkeġġjar, allura l-appell tagħna huwa li nevitaw ir-wrapping paper u nużaq alternattivi oħra li jkollna ġewwa darna.”
L-uffiċjal tal-Wasteserv kompliet tgħid illi minn sena għall-oħra qed jiġi nnotat li qed jonqos l-iskart iġġenerat fi żmien il-Milied. Il-kampanji edukattivi qed iħallu l-frott mixtieq għaliex in-nies qed ikunu aktar konxji dwar dan it-tip ta’ skart.
Intant, ippjanar għaqli anke għall-waqt l-ikla tal-Milied jista’ jgħin sabiex tonqos il-ħela li ġeneralment tiżdied ftit fi żmien dawn il-festi.
Qalet kif, “L-appell tagħna illi inti tippjana kif l-ikel li fadallek kif ħa tużah. Jiġifieri xi rridu nagħmlu bħal meta naħsbu biex nixtru xi ingredjenti biex insajru għall-ikla tal-Milied, nagħmlu pjan għall-affarijiet li ħa jkun fadlilna u naraw kif nistgħu ndawruhom fi platt differenti.”