Malta miftuħa li timraħ u mhix imxekkla mill-ktajjen kolonjali tal-passat. Din hija Malta kosmopolitana.
Dan kien messaġġ ta’ viżjoni u bidla li wassal il-Prim Ministru lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu fil-Parlament.
“Bidla kif naraw lil pajjiżna fid-dinja. Il-futur ta’ pajjiżna li jikber fil-ġid. Għalxejn ngħidu li rridu nkabbru iżda ma rridux aktar nies. Pressjoni fuq soċjetà iżda dejjem nippreferi problemi tal-ġid. Ta’ liema pajjiż tixtieq tkun ċittadin, ta’ wħed fejn irid imur kulħadd jew wieħed li tant kemm m’hemmx xogħol li jrid jitlaq kulħadd? Nippreferi npoġġu bilqiegħda flimkien u naraw kif se nilqgħu nies fostna, milli nagħmel bħal missierijietna imorru ixejjru lil ħuthom qed jitilqu ‘l barra”.
Il-Prim Ministru qal li s-soċjetà Maltija hija dejjem mixtieqa għal bidla u hawn irrefera għal diversi oqsma li dan il-Gvern qed iħalli l-marka tiegħu billi jwettaq bidla pożittiva fihom.
Fost l-oħrajn semma l-qasam soċjali li jiġbor fih mhux biss il-housing imma anki l-anzjani.
Semma lil dawk li huma fost l-aktar għal qalbu.
“Bidla fil-kultura li permezz tagħha rduppjajna lil persuni b’diżabilità, daħlu fid-dinja tax-xogħol (minn 1,800 għal aktar minn 3,400)”.
Dr. Muscat semma l-bidla fil-kwalità tal-infrastruttura tal-pajjiż.
Fil-kuntest li Malta ta’ ħames snin ilu ma tingħarafx minn dik tal-lum semma il-valur tal-ugwaljanza li pajjiżna issa tassew huwa mogħni bih.
Il-Prim Ministru ma waqafx biss fuq il-legat tad-drittijiet ċivili li ħalla dan il-Gvern imma semma qasam li għad irid iqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lil dawk iċ-ċkejknin li għadhom fuq il-bank tal-iskola.
“Jidħak bir-robots, meta se jibdew jgħinu speċjalisti fl-operazzjonijiet tagħhom fl-isptarijiet tagħna. Idaħħak minflok jifhem li qed nassiguraw futur ta’ tfal li għadhom qegħdin Primarja”.
Il-Prim Ministru mess mal-qasam ambjentali u qal kif anke hawnhekk qed iseħħ bidla fil-mentalità, u għaliha din hemm it-tfal li huma katalisti.
“Li n-nies jarmu l-iskart organiku separat ifisser li qed inaqqsu b’mod immedjat l-iskart fil-miżbla b’45%. Ikun hemm problemi iżda kommessi li nibdlu kultura. It-tfal se jkunu kruċjali, isimgħu minnhom, għinu lil ġenituri u nanniet”.
Spikkat ir-rieda tiegħu li dan il-pajjiż kiseb fuq li kiseb iżda fadallu fejn jimraħ. Il-Prim Ministru għalaq l-indirizz tiegħu b’ottimiżmu liema bħalu.
“Ħafna stennew lil Kap tal-Oppożizzjoni joħroġ lill-Oppożizzjoni mill-isqaq li daħlu fih, fejn ħadd ma jiġbed ħabel wieħed. Stennew li jibda n-new way iżda minflok he lost his way, b’direzzjoni waħda, lura. Kburin b’dan l-akbar pakkett finanzjarju fl-istorja. Immirat għal ħolqien ta’ middle class ġdida li issa qed insaħħuha. Ikun hemm min jaħseb li l-biża’ tista’ taffettwa lil familji u nies. Iżda aħna għandna arma akbar mill-biża’. Għandna t-tama. Tama u rieda li jwasslu għas-suċċess. Ngħixu s-suċċess”.