Fil-Parlament, it-Tlieta filgħaxija l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali għamel stqarrija ministerjali li fiha rrimarka t-tibdiliet li daħlu fl-Armata sabiex jiġi assigurat li n-nies li jidħlu jkunu b’fedina penali nadifa.
Il-Ministru fakkar li qabel l-elfejn u tlettax fl-Armata kont tidħol b’sempliċiment kondotta tal-pulizija iżda mal-bidla fil-Gvern bdew jidħlu bidliet sabiex l-istorja kriminali tal-persuna kienet tkun mgħarbla sew qabel tissieħeb fl-Armata.
“Fl-2015 saret emenda fil-liġi biex il-Forzi Armati ta’ Malta tkun awtorizzata totjeni l-fedina penali bil-kunsens tal-individwu kemm meta japplika biex jidħol rekluta kif ukoll tul l-impjieg tiegħu. Rekluta obbligat ukoll jiddikjara fl-attestation paper, ikkonfermata bil-ġurament jekk għandux kawżi pendenti illi jaf bihom.”
Wara li l-Ministru qara l-istqarrija Ministerjali, minnufih qam Beppe Fenech Adami li mill-bidu deher li se jmur għal ton aggressiv.
Hu u jħambaq kompla jippolitiċizza l-każ u nfexx jgħajjat waqt is-seduta parlamentari.
“L-Armata dan il-Gvern kissirha.”
Fit-tweġiba tiegħu lejn għadd t’argumenti li poġġew uħud mill-membri tal-Oppożizzjoni li inċidentalment jiffurmaw mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, il-Ministru Farrugia rrimarka li wieħed mill-akkużati kellu l-fedina penali nadifa meta ssieħeb fl-Armata, bis-sentenza fuq reat żgħir li għamel meta kien għadu tifel ingħatat wara li huwa daħal fl-Armata.
F’dan il-każ il-Qorti kienet tat il-libertà kundizzjonata.
Intant għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar ir-reat inkwistjoni, il-Ministru Farrugia ta tweġiba f’waqitha fid-dawl li għall-akkużat qed jidher Jason Azzopardi.
“Hemm ħabib tiegħu li huwa l-avukat tal-persuna jsaqsi lilu attwalment x’kien dak ir-reat illi huwa għamel.”