“Kull ma jmur dan il-Gvern qed ikompli juri li għandu l-kredenzjali kollha sabiex l-isfidi jkompli jibdilhom f’opportunitajiet.” Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq One Radio l-Ħadd filgħodu.
Huwa stqarr kif l-element wara kull bidla li għamel dan il-Gvern huwa s-sostennibilità. Stqarr kif b’hekk ir-riżultati jkunu konsistenti.
“Jekk f’Lulju rreġistrajna rekord ta’ qgħad baxx, f’Awwissu bnejna fuqu mhux talli żammejnieh imma tejjibnieh u allura għalija din hija l-iktar ħaġa importanti, li mhux inwiegħdu kollox lil kulħadd, mhux ngħidu li ħa nagħmlu kollox mil-lum għal għada, imma n-nies jafu li aħna naħdmu bi pjan fejn dak li nwiegħdu nwettquh.”
Il-Prim Ministru semma l-bonds tas-62+ li bħalissa reġgħu fetħu l-applikazzjonijiet għalihom. Spjega kif dan huwa investiment fl-anzjani f’pajjiżna fejn qed jingħataw opportunità sabiex jinvestu dak li jkunu ġemmgħu.
Stqarr kif għall-kelliema tal-oppożizzjoni dan ma kellux iseħħ għaliex dejjem tkellmu kontra l-opportunità li qed jingħataw l-anzjani sabiex jinvestu f’bonds tal-Gvern. Stqarr li min-naħa l-oħra l-filosofija tal-Gvern hija li meta jagħti, dan ma jkunx tberbieq iżda investiment fin-nies.
Hawnhekk innota kif għal darba oħra qed jintbgħatu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li għal darba oħra qed jippremjaw lil min jaħdem. Rifużjoni ta’ ammonti rekord u li jissupera s-somom li kienu jitqassmu qabel f’rifużjoni tat-taxxa. Spjega kif koppja li taħdem u li għandha qliegħ baxx, ser ikunu ingħataw madwar 400 ewro f’sena f’rifużjoni ta’ taxxa u vouchers.
Stqarr kif filwaqt li l-oppożizzjoni dejjem iddoqq it-trombi li d-deficit qed jiżdied, fi tmiem xhur dan tnaqqas b’terz.
“Fejn l-oppożizzjoni dejjem iddoqq it-trombi li d-deficit qed jerġa’ jisplodi, l-figuri x’juru? Juru li fi tminn xhur naqqasnieh ġa b’terz u dan meta għadna qed inħallsu l-wage supplement. Dan ukoll meta f’Awwissu kellna l-ogħla ammont ta’ investiment pubbliku fl-istorja. Dan ukoll meta fl-istess xahar infaqna l-akbar ammont fl-istorja f’servizzi soċjali, fuq pagi tal-ħaddiema u fuq mediċini.”
Stqarr kif il-konferenza li għamel il-Partit Laburista l-ġimgħa li għaddiet firdet il-Partit li qed iħares lejn il-ġejjieni, mill-Partit Nazzjonalista li huwa iktar moħħu ta’ kif ser jgħajjar u jitgħajjar.
Hawnhekk reġa’ tenna dwar l-importanza li l-Gvern jaħdem id f’id ma’ kulħadd f’dak li sejjaħlu bħala Tim Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif waqt l-assemblea ġenerali tal-Ġnus Magħquda Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ċar dwar l-importanza li l-pajjiżi madwar id-dinja jaħdmu flimkien għal għan wieħed kontra sfidi komuni.
Il-Prim Ministru qal li issa jħares il’ quddiem sabiex ikompli dan l-iskambju tal-ideat fuq temi bħal qasam tax-xogħol, tibdil fil-klima u l-ugwaljanza. Dan anke fil-laqgħa tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi f’pajjiżna.
“Anke fuq livell internazzjonali, Malta m’hijiex biss xi osservatur. Dan urietu wkoll l-għażla tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li minn għada ser ikunu f’pajjiżna biex ilaqqgħu l-grupp sħiħ tagħhom qabel jibdew sessjonijiet importanti tal-Parlament Ewropew. Din ċar, din kienet għażla li wriet fiduċja f’pajjiżna u rikonoxximent lejn ir-riformi kbar li qed nagħmlu u li ser inkomplu nagħmlu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid kif huwa biss Gvern Laburista li jista’ jindirizza l-isfidi li għandu pajjiżna u jdawwarhom f’opportunitajiet.
“Ser nibqgħu bil-bieb miftuħ għall-ideat, ser nibqgħu nmorru aħna għand in-nies biex jgħidulna x’nistgħu nagħmlu aħjar, ser nibqgħu dak il-partit iffukat biex inġeddu lil Malta flimkien.”