Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija wkoll laqgħet bosta miżuri li ġew imħabbra fid-diskors tal-Budget għall-2022.
F’kumment telefoniku ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg, qal li dan il-Budget qed jara li n-negozji jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Dan anke għall-fatt li hemm bilanċ bejn l-investiment li se jittieħed fil-qasam soċjali u anke f’dak tan-negozji u x-xogħol.
Daniel Borg semma l-miżura li se tneħħi t-taxxa fuq il-kapital u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà li tinsab f’żona ta’ konservazzjoni urbana, propjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena iżda vakanti għal aktar minn seba’ snin jew għal dawk il-propjetajiet ġodda li se jibnew bi stil u arkitettura tipika u tradizzjonali.
Borg żied jgħid li din il-miżura mistennija wkoll tara l-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda.
Huwa rrefera wkoll għall-miżura tal-għotjiet finanzjarji għall-iskrappjar ta’ vetturi li jħammġu, fejn dawn se jerġgħu jiġu estiżi.
Hawnhekk laqa’ l-fatt li l-għotja għall-iskrappjar ta’ vetturi f’Għawdex se tiżdied b’€1,000.