F’reazzjoni inizjali għall-Budget għas-sena 2023, il-President tal-Unjin tal-Għalliema (l-MUT), Marco Bonnici, innota b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern għamel referenza għall-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi, li se jibda jiġi nnegozjat mal-MUT.
Is-Sur Bonnici fakkar fil-wegħda elettorali, li issa saret parit mill-programm tal-Gvern, għal titjib sostanzjali fis-salarji u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-edukaturi.
Filwaqt li nnota r-referenza għal-laptops għall-istudenti, il-President tal-MUT sostna li din il-miżura teħtieġ diskussjoni, kemm mil-lat loġistiku kif ukoll dwar l-użu pedagoġiku ta’ dawn ir-riżorsi.
Il-President Bonnici laqa’ wkoll iż-żieda li se jingħataw il-ħaddiema tal-gvern li jaqgħu taħt ftehim sabiex jibbenefikaw ukoll minn żidiet hekk kif il-COLA laħqet l-akbar ammont s’issa.
“Aħna ħarisna b’interess lejn ir-referenza li hemm fil-ftehim settorali ġdid, li se jkun qiegħed jiġi nnegozjat mal-MUT f’Jannar li ġej. Aħna sejjaħna dan il-Budget bħala wieħed li għandu ħtieġa li jimplimenta l-wegħdiet elettorali u, fil-każ tagħna, kienu wegħdiet ta’ titjib finanzjajru għal għalliema, kif ukoll titjib ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, dik il-miżura hija waħda essenzjali, u qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu naħdmu fuqha. Rajna referenza wkoll għall-għoti tal-laptop lill-istudenti, li hija miżura tajba, pero jrid ikun hemm diskussjoni wiesgħa, biex naraw li din tilħaq l-għanijiet kollha tagħha. Rajna referenza wkoll għal bini tal-iskejjel. Rajna referenza għall-atti dwar l-edukazzjoni u aħna sħaqna. anke riċentament, li dawn l-atti għandhom jiġu implimentati, u anke fejn għadhom ma tressqux il-Parlament għandhom jgħaddu issa u jiġu legiżlati, għax finalment dan huwa l-qofol tal-edukazzjoni. Id-diżappunt tagħna li ma kien hemm l-ebda referenza biex iż-żgħażagħ jersqu lejn il-professjoni.”