L-Anti-Poverty Forum jemmen li l-Budget li tħabbar nhar it-Tnejn huwa wieħed soċjali li fih sar sforz tajjeb ħafna biex tiġi indirizzata l-qagħda ta’ min qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji sforz ċirkostanzi internazzjonali, bħaż-żieda fl-inflazzjoni. Faħħru wkoll l-inizjattivi tal-Budget biex in-negozji jkunu jistgħu jissaħħu.
Il-Forum innota b’sodisfazzjon il-fatt li saru aktar skemi biex in-nies isiru sidien ta’ djarhom u l-inċentivi għall-appoġġ tal-familji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji biex irabbu lil uliedhom, speċjalment dawk b’diżabbiltà.
“Ninnutaw ukoll l-għajnuna mogħtija lill-pensjonanti taħt diversi forom u lil kategoriji differenti, kif ukoll dawk li jbatu minn diffikultajiet mentali. Nirrikonoxxu l-fatt li sar aktar investiment biex jitħarrġu persuni żvantaġġati permezz ta’ skemi tal-JobsPlus,” qalet l-Anti Poverty Forum.
Filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta’ programmi fit-tul li jedukaw lill-pubbliku dwar għajxien deċenti u b’saħħtu, innotaw b’mod favorevoli l-isforzi biex in-nies itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk itejbu wkoll id-dħul tagħhom.
Innotaw ukoll li l-Gvern kompla jissussidja l-enerġija u ċ-ċereali u appellaw għall-monitoraġġ kontinwu tal-prezzijiet, flimkien ma’ studji kontinwi favur ħajja diċenti.