Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca pparteċipat fl-ewwel sessjoni ntitolata ‘Building Societal Resilience: From Hard to Soft Security’, waqt l-14-il Laqgħa tal-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea tal-Grupp Arraiolos, li qiegħda ssir fil-Latvja.
Il-President Coleiro Preca qalet li “iktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-politiċi jieħdu ownership tal-proġett Ewropew u li ċ-ċittadini jħossu l-effett tiegħu”, filwaqt li żiedet tgħid li ċ-ċittadini Ewropej iridu għal darb’oħra jemmnu li “meta naħdmu flimkien, jinkisbu s-suċċessi”.
“Il-libertà tal-espressjoni kultant twassal għal ‘fake news’ u miżinformazzjoni.”
Il-President Coleiro Preca qalet li l-media użata bħala arma hija realtà, li ta’ sikwit twassal għal miżinformazzjoni u hate speech li jikkreaw tensjonijiet soċjali u stress.
“Id-diskors ħieles mhuwiex free-for-all, iżda huwa l-manifestazzjoni ta’ qsim ta’ opinjonijiet diversi, b’mod rispettuż”, qalet il-President Coleiro Preca, filwaqt li żiedet li dan jista’ jsir permezz tal-edukazzjoni in ġenerali u l-litteriżmu tal-media, b’mod partikolari.
“Il-‘media’ soċjali għandha tgħin sabiex id-demokrazija tkun aktar b’saħħitha, u mhux biex tinkoraġġixxi l-mibegħda”
Il-President Coleiro Preca qalet li l-media soċjali tippreżenta opportunità sinifikanti biex titjieb il-ħajja demokratika, u tipprovdi opportunitajiet għal outreach, social networking u involviment politiku.
“Dan it-titjib tal-ħajja demokratika għandu jitqies bħala proġett ta’ tama, u possibiltà mmirata sabiex jingħelbu l-paranoji u n-nuqqas tas-sigurtà li qegħdin jikkaratterizzaw il-media soċjali. Hemm bżonn ta’ bidla li twassal sabiex il-komunikazzjoni, id-djalogu u l-interazzjoni jkunu produttivi u sinfikanti, u mhux difensivi, suspettużi u manipulattivi”, qalet il-President.
“M’għandux ikun każ tal-umanità għat-teknoloġija, iżda t-teknoloġija għall-umanità”, kkonkludiet il-President, filwaqt li affermat il-bżonn li t-teknoloġiji jsiru aktar soċjali, biex ma tintilifx is-soċjalità fis-soċjetajiet tagħna. Dan hu l-kunċett fil-qalba tal-paċi pożittiva. Ma jista’ qatt ikun hemm sigurtà mingħajr tisħiħ kollettiv.”
Ritratti: OPR