Din il-ġimgħa, kif jagħmlu kull meta l-Gvern Laburista jew il-Partit Laburista juri opinjoni dwar Istituzzjoni, tal-Partit Nazzjonalista ħarġu t-tarka ipokrita tagħhom biex jiddefendu. Biex jagħmel dan, il-PN juża l-fergħa estremista tiegħu, l-għaqda Repubblika.
L-għaqda hija ffurmata minn ponn nies li, flimkien ma’ ponn ieħor, huma t-tmexxija tal-partit fl-Oppożizzjoni. Grupp li ma jiddejjaqx jikkritika lill-Ogħla Istituzzjonijiet f’kull okkażjoni li dawn ikunu għamlu xogħolhom u ħadu deċiżjoni li ma tintgħoġobx minn din l-għaqda, u wkoll ma jiddejjaqx imur quddiem il-bini tagħhom, jipprotesta u juża kliem ta’ disprezz lejn dawn l-istess Istituzzjonijiet.
L-aħħar każ juri l-ipokresija politika grassa li jimxi biha l-PN u dawk li ħatfuh u qed jiddettaw il-politika li jimxi biha.
Ftit jiem qabel il-Festa Nazzjonali ta’ San Pawl, ħarġu fil-beraħ kummenti li ilu jagħmel il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri fuq siti tal-aħbarijiet lokali. Kulħadd għandu dritt li juri l-opinjoni tiegħu, imma hemm mod u hemm mod kif isir dan.
Fid-dibattitu li għaddej bħalissa, professjonisti u midħla tas-settur f’pajjiżna appoġġjaw diversi aspetti tar-riforma fl-inkjesti Maġisterjali. Imma l-Prim Imħallef Emeritu Camilleri rrikorra għal attakk fil-konfront tal-Gvern b’tgħajjir u vokabularju baxx meta kkummenta fuq il-mezzi soċjali.
Dan l-aġir ħasad lil kulħadd. Mhux biss għaliex il-Prim Imħallef Emeritu ċekken lilu nnifsu b’dan l-aġir, imma wkoll naqqas mir-rispett li għandu jkollha persuna f’kariga tant importanti f’pajjiżna. Kummenti partiġġjani, tant li f’wieħed mill-kummenti tiegħu, Camilleri għajjar lil dawn li qegħdin fl-amministrazzjoni tal-pajjiż bħala stupidi u bla sinsla.
Fi kliemu, bla dubju, jispikka l-akkaniżmu politiku kontra l-Gvern, li ċertament ma jirriflettix tajjeb fuq il-pożizzjoni ta’ ġudikant, li għalkemm illum irtirat, għadu jġorr it-titlu ta’ Prim Imħallef Emeritu.
Ikkummenta wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, li ddeskriva r-rimarki tal-Prim Imħallef Emeritu bħala partiġġjani u li mhumiex denji ta’ eks Imħallef. Fil-Parlament il-Ministru Attard poġġa wkoll fuq il-mejda tal-Kamra, ħames mija, sitta u erbgħin kumment tal-Prim Imħallef Emeritu Camilleri kontra l-Gvern. Kummenti li jixhdu l-fanatiżmu politiku tiegħu.
Issa billi l-kummenti tal-Prim Imħallef Emeritu kienu kontra l-gvern, u kienet in-naħa tal-Gvern li esponiethom, l-estremisti tal-PN din ma aċċettawhiex.
Ħarġu tal-għaqda Repubblika jikkundannaw dak li sejħu bħala attakk oppressiv u intimidatorju tal-gvern fuq il-Prim Imħallef Emeritu. Qalu li dan, li skont huma kien attakk, kien mingħajr ġustifikazzjoni. Akkużaw ukoll lill-gvern b’dak li l-PN u l-għaqda Repubblika nnifisha huma esperti fih, b’attakk personali, b’tgħajjir u b’assassinju tal-karattru.
Ipokresija u diżonestà politika bla limitu. Fl-istorja politika tagħhom, tal-PN għandhom sensiela ta’ attakki fuq l-Istituzzjonijiet Għolja tal-pajjiż. Mhux biss fuq il-Qrati, imma fuq kull Istituzzjoni li għandna f’pajjiżna.
F’Settembru tal-2013, kien hemm attakk mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, fuq erba’ Logotenenti Kurunelli li kien għadhom kemm ġew promossi. F’konferenza tal-aħbarijiet, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami kienu allegaw li dawn il-Logotenenti nħatru minħabba l-kulur politiku tagħhom. B’reazzjoni għal din l-allegazzjoni, il-Gvern kien qal li l-Oppożizzjoni kienet qed timxi bil-politika tal-kuluri fil-konfront ta’ dawn l-erba’ Logotenenti Kurunelli li kienu laħqu minn Maġġuri u kollha kellhom snin ta’ esperjenza. Għall-PN, huma biss dawk li politikament jagħtuhom appoġġ, kif għandhom kull dritt li jagħmlu, li ħaqqhom ikunu promossi.
F’Awwissu tal-2016, kien Simon Busuttil dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li fuq ir-radju tal-PN ħareġ b’attakk sfrenat kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u kontra l-Avukat Ġenerali. Kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali huma l-mira favorita tal-PN meta jkunu fl-Oppożizzjoni. Kif ġara wkoll mill-2013 ’l hawn meta l-poplu sfiduċjahom u neħħiehom mill-amministrazzjoni tal-pajjiż.
Il-Ħadd ta’ qabel ma attakka lil dawn l-Istituzzjonijiet, il-ġurnal The Malta Independent kien ħareġ storja dwar allegazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ visas mediċi. Allegazzjonijiet li l-pulizija kienet diġà qalet li ma sabitx provi ta’ azzjoni kriminali. Busuttil irrefera għal dan ir-rapport, u nfexx f’dagħdigħa ta’ attakki. Bħas-soltu sejjaħ għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali. Imma ma kienx kuntent b’hekk biss. Akkuża lill-awtoritajiet li ma ħadux passi, meta fil-fatt kienu għamlu dan. Għajjar lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali li mhumiex kapaċi f’xogħolhom.
Fl-2021, kienet is-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti u ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, li nfexxew f’attakki kontra l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. F’artiklu fuq The Sunday Times, Chetcuti kitbet li l-Ispeaker huwa patetiku u l-aktar redikoli fost l-Ispeakers kollha li kellu l-Parlament Malti fl-istorja, filwaqt li qalet ukoll li l-Ispeaker għandu l-agħar elementi tal-karattru Malti. Cassar, li għamilha l-missjoni tiegħu li jattakka lil kull min huwa Laburist jew li jaħdem mal-Partit Laburista, kiteb ukoll artiklu fuq The Malta Independent b’attakk partiġġjan kontra l-Ispeaker.
Fl-2023 reġa’ kien l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li wkoll huwa marbut ma’ sensiela ta’ attakki fuq l-Istituzzjonijiet, meta dawn jieħdu deċiżjoni li ma ddoqqx għal widnejh. F’dan il-każ, Azzopardi mar oltrè, għaliex ressaq kawża kontra tliet persuni b’mod personali. Dan għamlu bl-iskop li jipprova jwerwer lill-istituzzjonijiet li jieħdu deċiżjoni li ma tkunx skont id-diska tiegħu. Hawnhekk Azzopardi ma qabilx ma’ deċiżjoni li ttieħdet fit-Tribunal Industrijali.
Miegħu tiffirma l-kawża kien hemm Therese Comodini Cachia, persuna li dak iż-żmien kienet ewlenija tal-establishment, minn ta’ quddiem fl-attivitajiet tal-għaqda Repubblika, u li kienet Deputat Nazzjonalista tal-“Blue Heroes.” Comodini Cachia kienet waħda minn dawk li qaċċtu lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex ¬oriġinarjament teħodlu postu.
Flimkien dawn, bl-aġir tagħhom, għamlu azzjoni kontra ġudikant personali li ddeċieda mhux kif ried hu, jiġifieri Azzopardi.
Mhux minsija lanqas l-attakki li kienu saru mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Parlament kien qiegħed jiddibatti dwar bidla fil-liġi tal-Kummissarju tal-Istandards. Fis-seduti parlamentari li matulhom kienet diskussa l-emenda għall-Att dwar il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kien hemm attakk feroċi tal-Oppożizzjoni fuq l-għażla tal-Gvern biex jinħatar il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi f’din il-kariga. Il-kritika tal-Oppożizzjoni dwar din il-ħatra kienet wasslet għal kummenti dispreġġjattivi personali kontrih.
Dawn huma biss ftit każi minn ħafna.
L-attakki sfrenati eskalaw bil-kbir minn kemm ilha li ġiet iffurmata l-għaqda Repubblika ta’ Robert Aquilina u l-Lettur tal-Università Vicki Ann Cremona.
Każ tipiku huwa dak ta’ dan l-aħħar meta l-għaqda Repubblika qalet li se tappella mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Nadine Sant Lia li talbet biex jiġi investigat Robert Aquilina talli kellu informazzjoni minn leakage illegali fuq inkjesta dwar il-Bank Pilatus. Repubblika kienet qalet li se tappella minn din id-deċiżjoni wara li nfexxet f’attakki fil-konfront tal-Maġistrat Lia u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-President Onorarju ta’ din l-għaqda, Robert Aquilina, sejjaħ is-sentenza tal-Maġistrat Nadine Sant Lia dwar il-Bank Pilatus bħala “perverżjoni tal-ġustizzja.” Għaliex għalihom dawn, hija perverżjoni tal-ġustizzja meta deċiżjoni tkun ħażina fil-konfront tagħhom.
L-attakki u l-gideb mhumiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika. Attakki li mhuma xejn ħlief attakki ta’ estremisti li jridu lill-Istituzzjonijiet tal-pajjiż jiddeċiedu dak li jridu huma, inkella jattakkawhom. Attakki li l-estremisti qed jużawhom biex jipprovaw jiskorjaw punti politiċi, imma fl-istess ħin qed jimminaw lill-istituzzjonijiet li jgħidu li huma d-difensuri tagħhom.