Fil-Parlament il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-Gvern huwa l-Gvern li verament jemmen fl-ugwaljanza.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt id-diskussjoni tat-tieni qari tal-liġi storika biex ikun hemm rappreżentanza ugwali tas-sessi fil-Parlament minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dr. Abela qal li din il-liġi se tkompli tressaq ‘il quddiem il-kredenzjali demokratiċi ta’ dan il-pajjiż. Liġi li tikkumplimenta ħidma estensiva minn Gvernijiet Laburisti tul is-snin favur l-ugwaljanza f’pajjiżna.
“Ma hemmx dubju li dan il-Gvern jista’ vermant jitħaddet u jkun kburi li għandu għal qalbu lin-nisa. It-tmexxija. Li l-mara hija eżempju prim tat-tmexxija. In-nisa huma sinonimi ma’ tmexxija tajba u ta’ kwalità.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-liġi se tkompli tgħin iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Qal li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ġew diskussi għal numri ta’ snin madankollu llum spiċċa ż-żmien tad-diskussjonijiet.
“Stajna kif għidt iktar kmieni nitkellmu, niddiskutu, nibqgħu fejn konna. Ħafna drabi tajjeb li titkellem u tajjeb li tiddiskuti imma imbagħad meta tkun ilek tiddiskuti u titkellem u ma jiġri xejn jfisser li ma tkunx deċiżiv u għalhekk illum dan il-pajjiż irid azzjoni deċiżiva.”
Tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna għal bidla fil-kultura u appella mal-Oppożizzjoni sabiex fuq dan is-suġġett inkunu front wieħed.
“Irridu nibdlu l-kultura u llum qegħdin hawnekk sabiex inkunu verament katalisti ta’ din il-bidla li jrid ikollna fil-pajjiż. U għalhekk nerġa’ nagħmel dan l-appell lill-Oppożizzjoni. Ejja nkunu front wieħed.”
Dwar il-mekkaniżmu li se ġġib magħha din il-liġi, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din taħdem biss jekk aktar nisa jikkandidaw ruħhom fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Jien irrid lin-nisa jikkandidaw ruħhom u dak l-ewwel messaġġ li xtaqt nibgħat illum. Dan il-pajjiż għandu bżonn li n-nisa li jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f’numri iżjed milli kellna fis-snin li għaddew. Illum ma fadal l-ebda raġuni li jkollna parteċipazzjoni anqas jew fl-istess livelli li kellna fis-snin li għaddew.”
Dr. Abela qal kif dawn il-bidliet kbar li qed jixpruna Gvern Laburista saru f’kuntest ta’ pandemija li magħha ġabet xkiel bla ebda preċedent.
Deċiżjonijiet li jinkludu anke bidliet li komplew itejbu l-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna fosthom riforma fil-qasam tal-Ġudikatura u bidla fil-proċess ta’ ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Proċess li l-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jimminah.
“Infakkarkhom x’għamiltu inthom meta aħna daħħalna mekkaniżmu ieħor li l-Kummissarju tal-Pulizija propost jiġu skrutinat minn din il-kamra. Tafu x’għamiltu inthom. Ibbojkottjajtu.”
Il-Prim Ministru semma wkoll l-emendi fil-liġi tad-divorzju li qed imexxi ‘l quddiem il-Gvern.
Qal kif hawnhekk ukoll din ir-riforma ambizzjuża rrekjediet kuraġġ madankollu Gvern deċisiv li jħoss il-polz tal-poplu. Hawnekk il-Prim Ministru appella biex l-Oppożizzjoni tieħu l-pożizzjoni tal-Gvern għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.
“Nappellalkom hemmek ukoll. Kunu magħna biex inkunu fuq quddiem nett li nibgħatu messaġġ b’saħħtu lin-nies li we care for them. Dak il-messaġġ li nixtieq nibgħat lin-nies li aħna sensittivi għall-bżonnijiet tagħhom.”
Intant bl-istess mod li appella għal kandidatura femminili b’saħħitha fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Prim Ministru Robert Abela appella wkoll għal kandidatura żagħżugħa sabiex iż-żgħażagħ f’pajjiżna jibqgħu jikkontribwixxu għal pajjiż aħjar fil-futur qrib.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dawn ir-riformi li qed iressaq ‘il quddiem jirrikjedu l-imħabba lejn il-pajjiż, konvinzjoni u kuraġġ.
“Inħares ‘il quddiem li iva inkomplu nisimgħu dan id-dibattitu u verament illum bħala pajjiż għax inkunu kburin li kellna l-kuraġġ li nagħmlu dak li verament nemmnu li huwa korrett li għandu jsir.”